Tisħiħ ta’ assistenza legali professjonali bla ħlas lill-vittmi ta’ vjolenza domestika – One News

Notifiki

Tisħiħ ta’ assistenza legali professjonali bla ħlas lill-vittmi ta’ vjolenza domestika

Fi żmien il-pandemija tal-COVID-19, se jibda jingħata servizz ta’ assistenza legali professjonali mingħajr ħlas, lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.

Dan is-servizz se jitmexxa mill-Aġenzija tal-Għajnuna Legali fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis tenna li l-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna poġġiet sfidi ġodda fis-soċjetà li minkejja li kienu jeżistu qabel, ġew esposti aktar f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Huwa spjega: “U allura b’għajnuna legali iktar b’saħħitha nsaħħu dak li hemm diġà, ħa jkun hemm assistenza legali fi ftit sigħat bla ħlas għal kull persuna li hija vittma.”

Bħala parti mis-servizz tnediet linja telefonika għal assistenza mmedjata li qed topera 24siegħa kuljum. Meta l-individwu jagħmel kuntatt fuq dan in-numru, se jingħata appuntament ma’ avukat speċjalizzat fil-qasam u jiġi assistit skond il-ħtieġa.

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar sostniet li din hija miżura oħra sabiex tingħeleb il-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika.

Hija sostniet: “Kommessi li bil-politika tagħna nipproteġu lil kull min għaddej minn sitwazzjoni ta’ abbuż. L-appell tiegħi jibqa’ wieħed kostanti ersqu l’quddiem, fittxu l-għajnuna qed inkomplu nsaħħu l-għajnuna li qegħdin nagħtu bħala Gvern.”

 Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli tenniet li din l-assistenza tfisser ċans akbar biex vittma tagħmel pass importanti li jista’ jsalvalha ħajjitha.

Hija saħqet: “Għal dan il-għan li ltqajt ma’ numru ta’ ministeri u organizzazzjonijiet biex naraw kif nistgħu nsaħħu servizzi u noffru għajnuna lil vittmi ta’ vjolenza domestika. Il-fatt li vittma ta’ vjolenza domestika issa ser ikollha aċċess għall-avukat biex tingħata pariri legali b’xejn nemmen li huwa pass b’saħħtu fid-direzzjoni t-tajba.”

 It-talba għall-għajnuna tista’ ssir fuq l-email [email protected] jew fuq 7974 7974.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend