Jidher li finalment bdiet tfeġġ il-qawsalla hekk kif f’pajjiżna hawn iżjed mfejqa milli morda bil-Coronavirus.
Fl-aħħar sigħat, dsatax-il persuna oħra fiequ mill-Coronavirus.
Ħabbret dan is-Supretendent tas-saħħa pubblika, l-Professur Charmaine Gauci li spjegat kif b’kollox fiequ mitejn tlieta u għoxrin persuna mill-COVID-19.
Il-każijiet attivi ta’ persuni infettati issa jammontaw għal mitejn wieħed u għoxrin każ.
Intant il-Professur Gauci qalet li fl-aħħar sigħat saru sitt mija u ħdax-il test u minnhom żewġ persuni rriżultaw fil-pożittiv għall-virus.
B’hekk in-numru ta’ infezzjonijiet li kellna f’Malta issa tela’ għal erba’ mija sebgħa u erbgħin. Minn dawn, sittin fil-mija huma rġiel u erbgħin fil-mija huma nisa.
L-aħħar żewġ każijiet ta’ Coronavirus jinvolvu mara ta’ sittin sena li taħdem f’dar tal-anzjani li kienet dieħla taħdem għal numru ta’ ġranet. Il-mara ma kellhiex sintomi.
Intant raġel ta’ tlieta u erbgħin sena ġie wkoll ġie infettat bil-virus. Ir-raġel li jaħdem f’uffiċċju baqa’ jmur għax-xogħol anki meta kellu s-sintomi. Il-Professur Gauci qalet li qed isir intraċċar tal-kuntatto kemm mal-kollegi tax-xogħol u ma’ familtu.
Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Professur Gauci tenniet l-appell sabiex nibqgħu noservaw il-miżuri.