Jason Azzopardi jinħeba mill-akkużi tiegħu fuq l-armata wara li lbieraħ ġie mgiddeb – One News

Notifiki

Jason Azzopardi jinħeba mill-akkużi tiegħu fuq l-armata wara li lbieraħ ġie mgiddeb

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja Jason Azzopardi qed jinħeba mill-akkużi li għamel hu stess wara li kien hu stess li fetaħ il-kwerela kontra l-Forzi Armati ta’ Malta.

Jason Azzopardi, li għall-aġir tiegħu sab lil Kap tal-Oppożizzjoni ta’ spalla billi ddefendieh, issa rrinunzja lilu nnifsu.

Ilbieraħ informazzjoni ġdida li preżentat l-għaqda Repubblika stess giddbet l-akkużi fi kwerela li fetaħ id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

It-Times irrappurtat li r-Repubblika, wara li akkużat lis-suldati b’attentat ta’ qtil, issa qed tgħid li kienet proċedura normali ta’ salvataġġ meta s-suldati qalu lill-immigranti biex jitfu l-magna tad-dinghy.

Fil-fatt l-informazzjoni preżentata minn min ressaq il-kwerela stess turi li l-allegat sabutaġġ ta’ dgħajsa tal-immigranti ma kien xejn għajr proċedura li ssir dejjem biex jissalvaw in-nies bejn sema u ilma.

Intant fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi huwa responsabbli għall-azzjoni mitluba li titieħed fil-konfront ta’ suldati tal-Forzi Armati, tal-Brigadier u l-Prim Ministru fejn talab li lkoll ikunu investigati fuq qtil volontarju u mitfugħa għall-għomorhom il-ħabs.

“L-ewwel kien pront għamel l-akkuża, imbagħad wara li rriżulta li kienet falza mar jipprova jinħeba, iżda l-ebda stqarrija li joħroġ jew kelma li jgħid ma qatt tista’ tiskolpah minn dan l-att ta’ stemerrija li għamel motivat minn mibegħda politika”, saħaq il-Partit Laburista.

Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li ma jistax ikun li l-kelliem għall-ġustizzja jaħrab mill-inġustizzja li wettaq huwa stess b’għemilu u b’kitbietu fil-konfront ta’ min jaħdem lejl u nhar b’risq il-pajjiż.

“L-akkuża ta’ qtil mhijiex akkuża kwalunkwe, hija akkuża gravi li ġġib konsegwenzi kbar”, aċċenna l-Partit Laburista li żied jgħid li l-azzjoni ta’ Azzopardi titfa’ responsabilità kbira fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li ma jistax iħalli dan il-każ għaddej biex huwa jibqa’ għaddej bħala Kap.

“Akkuża bħal dik li għamel Azzopardi tirrekjedi azzjoni konkreta”, saħaq il-Partit Laburista li fakkar li l-poplu Malti u Għawdxi u l-membri tal-Forzi Armati mhux se jinsew l-azzjoni li Jason Azzopardi għamel, liema azzjoni qablet magħha l-Oppożizzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

2 Comments

  1. Nispera li lanqas il-Gvern u l-pulizija ma’ jinsew u jekk joħroġ li ma kien hemm xejn, minn għamel akkużi foloz jieħu li ħaqqu. Anki l-għaqda repubblika.

  2. Nispera li lanqas il-Gvern u l-pulizija ma’ jinsew u jekk joħroġ li ma kien hemm xejn, minn għamel akkużi foloz jieħu li ħaqqu. Anki l-għaqda repubblika. Il-poplu issa xeba li ħadd min dawn għax politiċi ma jeħlu xejn.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *