In-Network S&D40 inħoloq fl-2014 bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Ewropea għall-Istudji Progressivi (FEPS). L-għan tiegħu huwa li jlaqqa’ flimkien MPE żgħażagħ mill-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi biex jaħdmu fuq il-koordinazzjoni ta’ politiki speċifiċi għaż-żgħażagħ.
In-network jenfasizza t-tendenza tal-mexxejja żgħażagħ fil-partiti soċjalisti u partiti soċjali demokratiċi Ewropej li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ Ewropej fi Brussell.
Il-MPE Alex Agius Saliba ġie elett mill-kollegi tiegħu bħala wieħed miż-żewġ Ko-Presidenti tan-Network S&D40. Ftit wara l-li ġie elett huwa kkummenta: “L-importanza tan-network S&D40 hija aktar rilevanti minn qatt qabel. Dan in-network huwa ta’ valur kbir peress li jippermetti li l-viżjonijiet, l-ideat, u l-perspettivi taż-żgħażagħ u l-politiċi jinstemgħu aħjar u bi probabbiltà akbar li jiġu implimentati fil-politika tal-UE.”
“Huwa essenzjali li jinħolqu ambjent u politiki adekwati għaż-żgħażagħ Ewropej. In-network jista’ jikkontribwixxi b’approċċi differenti u innovattivi lejn is-soluzzjonijiet, filwaqt li kontinwament jenfasizza mill-ġdid u jiżviluppa l-valuri tal-prijoritajiet tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-ħames snin li ġejjin,” qal il-MPE Agius Saliba.”
“Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja pubblika għandha impatt dirett fuq l-aspetti ekonomiċi, politiċi, soċjali u kulturali tas-soċjetà. Bħala Kopresident, se nippromwovi l-avvanz ta’ edukazzjoni aħjar, ħiliet u kompetenzi diġitali, aktar impjiegi, prosperità, u libertà għaż-żgħażagħ.”