It-Tnejn filgħodu esperti tal-qorti kienu f’Xatt it-Tiben fejn hemm stazzjonata l-iskwadra marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Dan hekk kif bdew għaddejjin bl-istħarriġ tagħhom b’rabta mal-inkjesta Maġisterjali li qed tinvestiga l-kwerela li fetaħ l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi li akkuża lis-suldati b’attentat ta’ qtil ta’ immigranti.
L-avukat Herman Mula li qed jiddefendi lis-suldati li nfetħet kwerela kontrihom saħaq li mhumiex biss ħdax-il suldat li huma membri tal-ekwipaġġ tal-Patrol Boat P52 li qed jiġu investigati, imma b’kollox hemm aktar minn erbgħin suldat investigati fuq allegazzjonijiet t’attentat ta’ qtil ta’ immigranti.
“L-investigazzjoni dwar l-ekwipaġġ tal-P52 qed tieħu l-iżvilupp tagħha. Permezz tal-General Workers Union, tajna assistenza legali lil 44 – 45 suldat, li b’xi mod assistew lil P52.”
Dr. Mula spjega li l-General Workers Union qed toffri għajnuna legali lil dawn is-suldati, sabiex ma jidħlux fi spejjeż żejda.
L-Avukat Mula qal li s-suldati qegħdin jiċħdu l-allegazzjonijiet.
Qal li bħalissa dawn is-suldati għaddejjin minn trawma.
“Tkun għamilt xogħlok sew biex isalva lil ħaddiehor u jiġrilek xi ħaġa hekk, hija trawma fiha nifsiha. U jien qed nipprova ntihom konfort kemm nista’.”
Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fetaħ proċess kriminali kontra dawn is-suldati li dejjem jissugraw ħajjithom biex isalvaw lil ħaddieħor.
Ta’ dan l-aġir Jason Azzopardi sab l-appoġġ tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
B’Jason Azzopardi qed jakkuża lill-Brigadier Jeffrey Curmi u lill-Prim Ministru Robert Abela bi qtil volontarju tal-immigranti.
Akkuża li ġorr magħha piena ta’ għomor il-ħabs.
L-Avukat Herman Mula saħaq li għandu l-konfort u ċ-ċertezza morali li l-eżitu ta’ din l-inkjesta se jkun ċertifikat ta’ eċċellenza għal operat tal-Forzi Armati ta’ Malta.
“Dawn il-persuni li għamlu l-allegazzjonijiet, jekk jirriżulta li huma frivoli jridu jerfgħu r-responsabilità morali u jekk jista’ jkun legali ukoll.”