Il-Coronavirus sfida psikoloġika – raġel li fieq mill-virus

“Il-Coronavirus toffri sfida psikoloġika daqs kemm taf tkun ta’ saram għall-ġisem.” Hekk stqarr magħna raġel li jixtieq jibqa’ anonimu u li għal ġimgħatejn sħaħ iġġieled mal-virus f’pajjiżna. Huwa stqarr kif l-ewwel xokk jasal eżatt kif tirċievi t-telefonata li tkun pożittiv. Huwa spjega kif kollox beda meta żviluppaw sintomi bħal ta’ influwenza komuni.  Għalhekk meta rċieva t-telefonata li kien pożittiv għalih kienet bħal sajjetta fil-bnazzi. Stqarr li meta l-ħaddiema tal-awtorità tas-saħħa bdew isaqsuh ma’ min iltaqa’ u fejn kien moħħu mill-ewwel beda jaħseb dwar il-possibilità li intortament seta’ taha lil xi persuna qrib tiegħu jew lil familjari tagħhom. Dik waħidha hija piż kbir.

Huwa spjega: “Il-kollegi tax-xogħol ta’ miegħek kollha, li dawk  kellhom joqogħdu kwarantina, li dik hija xi ħaġa diffiċli wkoll li kemm il-familja tiegħi, kem-il kollegi tiegħi u kemm il-familji tagħhom. Tibda’ tgħid allaħares qabadhom huma għax tkun il-dik li inti tajtielhom.”

Madankollu l-ikbar xokk kien meta beda jaqta’ nifsu u kellu jmur l-isptar. Stqarr li meta beda jara l-prekawzjonijiet li bdew jieħdu l-ħaddiema tas-saħħa hemmhekk l-ewwel darba li rrealizza minn xiex kien għaddej.

Huwa sostna: “Xi ħaġa li vera tħossha, li ma ttihomx tort lilhom tal-isptar, u lill-ħaddiema li jkun hemm, nurses u tobba, li kulħadd ‘il bogħod minnek, tgħaddi minn ġol-kurituri tal-isptar, bis-security quddiemek biex ineħħi n-nies. Uwekk. Hija xi ħaġa kerha. Żmien ikrah.”

Huwa spjega kif wara numru ta’ testijiet baqa’ jiġi rikoverat mid-dar. Spjega kif għadda ġimagħtejn bejn erba’ ħitan tal-kamra tiegħu, waħda u ma jara lil ħadd. Stqarr li kienet diffiċli li tgħix tal-istess saqaf ta’ martek u wliedek u ma tarahomx għaliex taf li tista’ tkun ta’ detriment għalihom.

Huwa kompla jispjega: “L-iktar affarijiet diffiċli, ‘il bogħod mill-familja, trid tuża shower u kamra tal-banju għalik, trid toqgħod ġo kamra waħda, ħadd ma jista’ jidħol ħdejk, jitfgħulek l-ikel wara l-bieb, trid platti għalik, cutlery għalik, u maqful ġo kamra waħda. Għandek 14-il  ġurnata waħdek, iżolat minn kulħadd.”

Huwa stqarr li għalkemm bħalissa xorta waħda għadu fi kwarantina, ħa r-ruħ meta t-tieni test ġie negattiv u għalhekk jidher li fieq mill-Coronvirus. Madankollu, appella biex kulħadd jimxi mad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa għaliex qatt ma taf minn fejn tista’ tieħu dan il-virus li ħasad id-dinja.

Huwa appella: “Ma joħorġux, għax dan ma tafx min għandu, jiena ma nafx minn fejn ħadtu, jien li kont qed noħroġ, mid-dar għax-xogħol u mix-xogħol għad-dar, jiġifieri ma tistax tgħid minn fejn ħadtu.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend