L-imsieħba soċjali laqgħu b’mod tajjeb ħafna l-aħbar li l-gvern se jkun qed jagħmel tajjeb għal 2.5% tal-interessi fuq self li jagħmlu n-negozji.
Erba’ assoċjazzjonijiet ewlenin li jaħdmu man-negozji esprimew il-fatt li din il-miżura, flimkien ma’ oħrajn li ttieħdu fil-ġimgħat li għaddew, se jgħinu n-negozju Malti u Għawdxi jgħaddi l-agħar effetti ekonomiċi kkawżati mill-imxija tal-Coronavirus.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb qal li f’dan iż-żmien kull likwidità tgħin lin-negozju jkopru l-ispejjeż tagħhom.
“Din il-miżura flimkien ma’ oħrajn li diġa ġew imħabbra bħal per eżempju l-garanziji fuq il-loans u l-moratoria fuq il-loan repayment kienu suġġerimenti tal-Kamra tal-Kummerċ u allura huma apprezati bħala mixja fid-direzzjoni t-tajba u bħala parti minn kullana ta’ inizzjattiva li ġew proposti mill-Kamra.”
Il-Perit Xuereb għaraf li n-negozji jridu jerfgħu il-parti tagħhom iżda appella biex il-banek ikunu flessibbli mal-intrapriżi.
Min-naħa tagħha Abigail Mamo mill-kamra tan-negozji żgħar u medji sostniet li din il-miżura se tinżel għasel man-negozji.
“Aħna rajnih pakkett tajjeb ħafna, aħna nkunu kuntatt mal-membri tagħna ta’ spiss u jkunu qed jgħħidu x’jaħsbu. Fil-fatt ir-rati ta’ interessi huma bżonn ewlieni li kellu jiċċaqlaq. Nieħdu gost li l-gvern ħass li kellu jagħmel dak l-intervent u b’hekk il-faċilita naħseb li ħa taħdem tajjeb ħafna.”
Semmiet li l-miżura se tmur id f’id mal-miżuri li qed jieħu l-bank Malti tal-iżvilupp li jagħti garanzija bankarja sa 90%.
Sentiment li kien espress ukoll fil-gżira Għawdxija.
“Ir-reazzjoni tagħna lejn il-pakkett tal-bieraħ kien propjament waħda tajba għax tnaqqis ta’ 2.5% ovvjament se jagħti dak in-nifs neċessarju lill-industrija speċjalment f’Għawdex fejn id-diffikultajiet huma ikbar sabiex tkompli miexja fl-istess ħin tirpilja ġaladarba l-kriżi tgħaddi minn fuqna.”
Anke l-assoċjazzjoni Għawdxija tat-turiżmu esprimiet is-sodisfazzjon tagħha bil-miżuri mħabbra.
“Dawn iż-żewġ miżuri huma pożittivi ħafna u żgur li se jassiguraw li l-ekonomija b’mod speċjali fil-gżira Għawdxija li tiddependi ħafna fuq it-turiżmu se tkompli għaddejja u anke tissupera din il-maltempata li ninsabu fiha.”