Notifiki

Infrastructure Malta ħawlet 3,123 siġra f’40 post f’Malta matul l-ewwel kwart tal-2020

L-aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta ħawlet tlett elef, mija, tlieta u għoxrin siġra, f’erbgħin post madwar Malta matul l-ewwel kwart ta’ din is-sena.

S’issa tħawlu kważi tnax –il elf siġra fi tmenin post minn meta s-sena l-oħra tnieda l-programm nazzjonali ta’ tħawwil ta’ siġar.

L-aġenzija governattiva mhux biss ħawlet dawn is-siġar iżda tat kuntratti għal servizzi meħtieġa biex tibqa’ ssaqqi u tieħu ħsieb is-siġar għal diversi snin.

L-aġenzija qalet li jekk dawn is-siġar issirilhom xi ħsara jew imutu, se jitħawlu oħrajn flokhom.

Apparti dawn is-siġar, Infrastruttura Malta ħawlet ukoll mal-elf u tmien mitt arbuxell ta’ speċi differenti. Uħud minnhom tħawwlu wkoll bil-għan li jgħinu lis-siġar jikbru.

Diversi siġar tħawlu f’żoni proposti mill-pubbliku kif ukoll diversi kunsilli lokali. Fosthom hemm mija, sitta u disgħin siġra li tħawlu fit-Telgħa t’Alla u Ommu u mija u għoxrin siġra li tħawlu fi Triq l-Imdina.

Dan filwaqt li aktar minn elf siġra tħawlu madwar ħdax –il triq f’Santa Luċija u mija, ħamsa u erbgħin siġra f’Ħ’Attard u Ħal Balzan fost oħrajn.

L-arboristi u esperti qegħdin jagħżlu s-siġar għal kull sit minn varjetà ta’ tletin speċi ta’ siġar indiġeni bħal ħarrub, tal-għargħar u taż-żebbuġ fost oħrajn.

Infrastruttura Malta qed timmira li fix-xhur li ġejjin testendi din l-inizjattiva għal diversi nħawi oħrajn biex taqbeż it-total ta’ 8,719 siġra li ħawlet is-sena l-oħra.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend