Sa l-aħħar tas-sena mistennija li jitlestew xogħlijiet ta’ rinovar u bini ta’ esperjenzi ġodda fil-Lascaris War Rooms.
Minn dawn il-kmamar, fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, l-Alleati permezz tal-qawwiet Ingliżi f’Malta kkordinaw l-operazzjonijiet tagħhom fil-Mediterran. Iktar tard tmexxiet ukoll minn dawn il-kmamar l-invażjoni tal-Italja.
Din l-attrazzjoni jżuruha 700,00 turist kull sena.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Wirt Artna Mario Farrugia qal li fost oħrajn se jinbena mużew ġdid.
Huwa spjega: “Ser tiġi upgraded u ser nagħmlu reengineering tal-interpretar tagħha sabiex tallaċċa ma inizjattiva oħra ġdida l-operation husky museum. Operation husky kienet l-operazzjoni alleata fl-1943 matulha invadew sqallija u bdew il-liberazzjoni tal-Ewropa. Dan kollu ġie kkordinat mil-lascaris war rooms.”
Qed issir ukoll estensjoni tas-saluting battery, fejn bħala parti minn din l-attrazzjoni l-ġdid se jkun mużew ukoll dwar l-istorja tal-ħin. Farrugia spjega li din torbot mal-attrazzjoni militari għax il-kanuni kienu wkoll jisparaw sabiex jindikaw il-ħin tal-ġurnata.
Is-Sur Farrugia sostna: “Taħt il-borża se jkun hemm mużew dedikat lejn l-istorja tas-saluting battery u wkoll għall-funzjoni tal-kanuni tal-ħin. Se jkun jismu time gun museum. Dan se jkun fih ġabra ta’ artillery tal-epoka li kienet tintuża fis-saluting battery, uniformijiet, dokument, strumenti li kienu jintużaw fl-operat tal-kanuni.”
Ix-xogħlijiet qegħdin isiru b’investiment ta’ 115-il elf ewro, minn fond tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Dawn se jkunu qegħdin jgħinu lill-fondazzjoni Wirt Artna li kawża tal-imxija tal-Coronavirus, qed taffaċċja numru ta’ sfidi.
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli sostniet li minbarra li jgħin fis-sostenn ta’ attrazzjoni turistika, il-Gvern qed jara li jtejjeb il-prodott turistiku u joħloq niċċa turistika ġdida marbuta mal-istorja militari.
Hija stqarret: “F’dan iż-żmien kajman ta’ sfida internazzjonali, l-MTA flimkien mal-Fondazzjoni qegħdin ninvestu mhux biss 115,000 għal dawn iż-żewġ proġetti imma wkoll biex it-turist meta jiġi f’pajjiżna jkun qed jara prodott aħjar.”
Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Belt awgura li dawn l-inizjattivi jkomplu jsaħħu t-turiżmu fil-Belt Valletta, li tattira 95% tat-turisti kollha li jżuru pajjiżna.