Biex il-Mediterran ma jibqax qabar – One News

Notifiki

Biex il-Mediterran ma jibqax qabar

Aktar minn ħames snin ilu, kont nattendi regolarment s-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew li kienu jsiru fi Strasburgu. Tista’ tgħid li f’kull seduta kienet tissemma l-problema tal-immigranti li jaħarbu mil-Libja fi tfittxija għall-ġejjieni aħjar fl-Ewropa.

Kien iż-żmien meta l-Mediterran kien beda jissejjaħ qabar, propju minħabba l-eluf ta’ immigranti li kienu jitilfu ħajjithom waqt li kienu jkunu qegħdin jaqsmu lejn l-Ewropa, bil-mira tagħhom kienet tkun l-Italja. imma ħafna minnhom kienu jispiċċaw ukoll fi gżiritna.

L-appelli li kienu jsiru fil-Parlament Ewropew kienu jaqgħu fuq widnejn torox u kienu jwasslu biss għal kliem ta’ appoġġ. Għal kliem ta’ solidarjetà. Imma mbagħad ma ttieħdu l-ebda passi konkreti min-naħa tal-Unjoni Ewropea. Nistgħu ngħidu li Malta u l-pajjiż ġirien tagħna, l-Italja, tħallejna nerfgħu l-piżijiet tal-problema weħidna.  

Is-sitwazzjoni kompliet tiggrava minħabba l-gwerra li hemm fil-Libja. Ejja ngħidu kollox. F’dawn l-aħħar snin kellna diversi okkażjonijiet fejn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea offrew li jieħdu, u ħadu, numru ta’ immigranti li spiċċaw salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta u nġiebu f’pajjiżna. Imma ma ttieħdu l-ebda passi konkreti biex il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jerfgħu responsabbiltà kollettiva. U lanqas ittieħdu passi biex nilqgħu għall-problema mill-għeruq. Jiġifieri fit-territorju Libjan. Fl-opinjoni tiegħi, kulma sar, kif jgħid il-Malti, kien traqqigħ tal-pannu bil-qargħa aħmar.

L-appelli tal-Gvern Malti, u anke dawk tal-Gvern Taljan ma wasslu għal xejn. Ilna żmien twil nagħmlu l-affarijiet nofs kedda. Imma issa mhux żmien li nkomplu nagħmlu l-affarijiet nofs kedda. Issa għadda ż-żmien li nkomplu nraqqgħu l-pannu bil-qargħa aħmar. Għadda ż-żmien, ngħid jien, tat-teatrini. Bħat-teatrin li kellna f’dawn l-aħħar jiem meta kien hawn min, jien ngħid għall-interessi tiegħu, xerred aħbar falza li kien hemm grupp ta’ immigranti li spiċċaw fil-baħar għax ma tajnihomx l-għajnuna.

Għaddejjin minn sitwazzjoni diffiċli. Minħabba l-imxija tal-Coronavirus, kellna ngħalqu l-ajruport. Kellna nagħlqu l-portijiet. Lil tliet miljun turist – jekk mhux aktar – li konna qegħdin nistennew matul din is-sena, għednilhom tiġux ‘l hawn. 

Imma l-Gvern Malti ma waqafx billi sempliċiment għalaq, il-portijiet anke għall-immigranti. Ippropona passi konkreti u appella lill-Unjoni Ewropea biex minnufih twettaq missjoni umanitarja biex tgħin lill-immigranti fil-Libja. Il-Gvern Malti, fi kliem il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropew, Evarist Bartolo, qiegħed  jaghmel din il-proposta biex ikunu salvati numru ta’ ħajjiet illum, biex niġġieldu t-traffikanti tal-bnedmin, u biex jiġu evitati aktar traġedji umani bejn sema u ilma. Fi ftit kliem biex il-Mediterran ma jibqax qabar għal eluf.

Ta’ QabelLi Jmiss
Felix Agius twieled fil-21 ta’ Marzu, 1948. Studja fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar, imbagħad kompla l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja fil-Liċeo tal-Ħamrun. Aktar tard kiseb diploma fil-Ġurnalizmu mill-International Institute of Journalism ta’ Berlin. Agius beda l-karriera fil-ġurnalizmu madwar 50 sena ilu, meta ngħaqad mal-ġurnal tal-Partit Laburista ‘Iż-Żmien’ li kien jinħadem u jkun stampat fil-Freedom Press. Wara huwa ingħaqad mal-Union Press bħala sub-editor mal-ġurnal bl-Ingliż ‘Malta News’. Għamel xi żmien fid-Dipartiment tal-iSports qabel fl-1981 inħatar editor tal-ġurnal ‘l-Orizzont’. Dam f’din il-kariga aktar minn 11-il sena, għax fis-sena 1993 huwa ingħaqad mal-gazzetta ‘KullĦadd’, (ukoll tal-Partit Laburista) bħala Editur Eżekuttiv, liema kariga dam jokkupaha sakemm irtira mix-xogħol disa’ snin ilu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend