Is-sitwazzjoni tal-virus Covid-19 jidher li qed tħalli effetti ta’ dipressjoni fost diversi persuni.
Fi stħarriġ li għamlet il-Fondazzjoni Richmond b’kollaborazzjoni mal-kumpanija ta’ riċerka Esprimi ħareġ li 47% ta’ dawk li wieġbu qalu li qegħdin iħossuhom dipressati l-maġġoranza tal-ħin. Dan filwaqt li 48% ta’ dawk li wieġbu qalu li m’hu qed ikollhom aptit jagħmlu xejn fil-maġġoranza tal-ħin.
Il-Fondazzjoni qalet li qed timmira li tosserva sew l-istat psikoloġiku tal-Maltin u l-Għawdxin waqt il-pandemija.
Qalet li se twettaq iżjed riċerka sabiex tifhem aħjar l-esperjenza tar-residenti Maltin li għexu taħt l-ordni tal-kwarantina, flimkien ma’ miżuri oħra.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Stephania Dimech Sant, saħqet kif il-pandemija jaf tħalli effett akbar u aktar fit-tul minn dak marbut mas-saħħa fiżika.
Għalhekk semmiet il-bżonn li nosservaw u ngħarfu sew kif l-aħjar inħarsu is-saħħa mentali tal-kommunità tagħna fl-immedjat, u bl-aktar mod effiċjenti u effettiv.