Kumpanija Iżrealita li tispeċjalizza fil-produzzjoni tal-kannabis mediċinali u kienet minn tal-ewwel li bdiet topera minn pajjiżna, tinsab qrib li tpoġġi l-prodotti tagħha fis-suq Ewropew, fosthom anki f’Malta. Dan mistenni wkoll jagħmilha l-ewwel kumpanija fis-settur fl-Iżrael u anke f’pajjiżna li tagħmel dan.
Panaxia Labs Israel hija l-akbar kumpanija f’Iżrael li timmanifattura prodotti mediċinali tal-kannabis u fl-aħħar jiem laħqet ftehim kuntrattwali biex tuża l-faċilità tagħha f’Malta biex toħloq sezzjoni għar-riċerka u l-iżvilupp.
Dan sabiex tkun tista’ tipproduċi żjut, inhalers, pilloli u suppożitorji, ilkoll magħmulin mill-pjanta tal-kannabis. Dawn se jkunu mmirati speċifikament għas-suq Ewropew.
Rapport fil-gazzetta KullĦadd jgħid li l-kumpanija tqis li l-faċilità tagħha f’Ħal Far għar-riċerka u l-iżvilupp kien fundamentali biex dan il-pass seta’ jitwettaq bl-aħjar mod u f’qasir żmien.
Il-kumpanija tinsab fi stadju avvanzat ukoll li tirreġistra u tiċċertifika l-prodotti f’diversi pajjiżi Ewropej.
Bil-ftehim il-kumpanija tkun tista’ tibda l-attività kummerċjali tagħha fl-Ewropa.
Il-produzzjoni lokali mistennija tibda fi ftit xhur ġaladarba jkun lest ix-xogħol meħtieġ biex is-sit f’Malta jsir addattat li jilqa’ għal din l-attività kummerċjali.
Il-livelli meħtieġa jridu jilħqu il-kodiċi ta’ prattika tajba tal-manifattura fl-Unjoni Ewropea.
Il-kumpanija mistennija li l-ewwel tibda tipproduċi għas-suq Ġermaniż u dak Malti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Panaxia Dr Dadi Segal qal li fl-aħħar xhur kien hemm xogħol preparatorju kbir għaddej immirat għal dan il-pass ta’ espansjoni, li qed jitqies importanti ferm fl-istorja tal-kumpanija.
Sehem Malta qed jitqies bħala importanti għax bl-użu tal-faċilità f’pajjiżna, il-kumpanija Iżraelita se tnaqqas drastikament il-ħin biex il-prodotti jitwasslu fis-swieq Ewropej.
Il-kumpanija għandha 40 sena esperjenza fil-qasam farmaċewtiku u hija l-ewwel kumpanija li ngħatat permess mill-awtoritajiet Iżraeljani biex tiżviluppa prodotti mediċinali mill-kannabis. Timmanifattura wkoll madwar 600 prodott differenti oħrajn li huma mferrxin f’madwar 40 pajjiż madwar id-dinja.