L-iskola primarja ġdida fil-Qawra daħlet fl-aħħar fażijiet tal-bini tagħha fejn fis-sena skolastika li jmiss mistennija tiftaħ il-bibien tagħha għal madwar ħames mitt student
L-iskola nbniet tul l-aħħar sentejn u nofs b’investiment ta’ tlettax-il miljun ewro.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici żar l-iskola t-Tnejn filgħodu, fejn kien spjegat kif l-iskola se jkollha b’kollox disgħa u tletin klassi, lkoll b’arja kkundizzjonata u interactive whiteboard.
L-iskola se tkun ukoll aċċessibbli għal kull persuna hekk kif l-iskola hija mgħammra b’liftijiet.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank Fabri qal li din se tkun l-ikbar skola f’pajjiżna.
Qal li mill-bidu tal-proġett sentejn u nofs ilu il-pjanti ġew modifikati sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-komunità.
“Din hija l-ikbar skola primarja li se jkollu pajjiżna li tinkludi childcare centre, kindergarten, primarja minn year 1 sa year 6, żewġ sulari parkeġġi, sala kbira, outdoor spaces enormi. Kuntenti ħafna li uliedna se jkomplu jgawdu minn dan il-ġid li għandu pajjiżna.”
Qal li dan il-proġett affaċja diversi sfidi fosthom il-mewt ta’ ħaddiem, il-waqfa fix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u issa l-imxija tal-Coronavirus.
Il-Ministru ghall-Edukazzjoni Owen Bonnici rringrazzja lill-ħaddiema u l-kuntratturi li filwaqt li segwew il-pariri u direttivi tas-saħħa, komplew bix-xogħlijiet. Faħħar ukoll ħidmet il-Fondazzjoni għall-iskejjel ta’ għada li fi kliemu kienet strumentali biex tinbena din l-iskola.
Semma li din l-iskola se tikkumplimenta dik eżistenti f’San Pawl il-Bahar.
“Kif nafu din iż-żona qiegħda kull ma jmur tiżdied fil-popolazzjoni u allura se jkollna din l-iskola li flimkien mal-iskola li diġa hemm f’San Pawl il-Baħar se jagħtu servizzi edukattivi lit-tfal ta’ dawn in-naħat. Hawnhekk se jkun hawn kumpless sabiħ immens li ħa jkun mibni bl-aħjar speċifikazzjonijiet u faċilitajiet kif ħaqqhom uliedna u wlied uliedna.”
Fakkar li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada għaddejja wkoll b’ħidma ta’ bini ta’ skejjel f’lokalitajiet oħra u rinovar ta’ skejjel eżistenti. Ma’ dawn il-Fondazzjoni qed taħdem biex iżżid laboratorji ta’ suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel b’investiment ta’ għaxar miljun ewro.