Malta mhux se taċċetta u tiggarantixxi salvataġġ ta’ aktar immigranti – One News

Notifiki

Malta mhux se taċċetta u tiggarantixxi salvataġġ ta’ aktar immigranti

Malta mhux se taċċetta u tiggarantixxi salvataġġ ta’ aktar immigranti.

Fi stqarrija li għadu kif ħareġ il-Gvern ġie spjegat kif fl-aħħar sigħat il-Forzi Armati ta’ Malta kienu qed isegwu dgħajsa b’immigranti rregolari fuqha, li kienet fiż-żona ta’ tiftix u salvatagg Maltija. Din id-dgħajsa kienet ilha tiġi segwita għal diversi sigħat.

Il-Gvern saħaq li dawn l-immigranti se jkollhom jiddaħħlu pajjiżna fis-sigħat li ġejjin, u ser jinżammu f’detenzjoni.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kabinett tal-Ministri qies is-sitwazzjoni serja li jinsab għaddej minnha l-pajjiż bħalissa, fid-dawl tal-pressjoni li qed toħloq l-imxija tal-virus COVID-19, u kunsiderazzjonijiet oħra.

Fl-isfond tal-isfidi straordinarji, f’mument fejn il-pajjiż iddikjara Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika, il-Gvern Malti kkomunika mal-Kummissjoni Ewropea fost l-oħrajn li ma jinsabx f’pożizzjoni li jiggarantixxi r-riżorsi għas-salvataġġ lil immigranti rregolari tal-massa, li jkunu abbord kwalunkwe opra tal-baħar u bastimenti.

Il-Gvern qal li qed jikkomunika dan anki lill-immigranti li għandhom l-intenzjoni jivvjaġġaw lejn Malta biex ikunu konxji tar-riskji li qegħdin ipoġġu ħajjithom fihom.

“Huwa għalhekk fl-interess u fir-responsabbilità ta’ dawn il-persuni li ma jipperikolawx ħajjithom bi vjaġġi riskjużi u billi jersqu lejn pajjiż li mhux f’qagħda li joffrilhom post sigur”, saħaq il-Gvern Malti.

Il-Gvern saħaq li matul l-aħħar xhur u snin, pajjiżna kien taħt pressjoni sproporjonata ta’ wasliet ta’ immigranti, u rċieva ftit li xejn għajnuna tanġibbli.

Hawn hekk sar aċċenn li tul is-snin, pajjiżna xorta salva eluf ta’ ħajjiet.

“Ġaladarba s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ddikjarat emerġenza għas-saħħa pubblika, il-Gvern iddeċieda li aktar żbarki ta’ immigranti rregolari f’pajjiżna, li jistgħu jkunu wkoll infettati bil-virus, jippreġudikaw serjament il-ħidma kollha li qed issir kontra l-imxija ta’ dan il-virus, filwaqt li l-awtoritajiet Maltin m’humiex f’pożizzjoni li joffru post sigur lil dawn l-immigranti, f’perjodu ta’ sfida kbira speċjalment fil-qasam tas-saħħa, l-infurzar tal-liġi u ċ-ċentri tal-immigranti”, irrimarka l-Gvern.

Il-Gvern qal li s-sitwazzjoni preżenti titlob li r-riżorsi lokali kollha inkluż il-Forzi Armati jibqgħu l-ħin kollu ffukati fil-ġlieda kontra din l-imxija tal-virus.

Il-Gvern fakkar li biex jitrażżan it-tixrid tal-virus, l-ivvjaġġar lejn pajjiżna saħansitra ġie mwaqqaf bl-għeluq tal-ajruport u l-portijiet.

Għaldaqstant, mhux se jkunu permessi żbarki f’pajjiżna ta’ immigranti rregolari, kemm minn għaqdiet non-governattivi kif ukoll minn kull opra tal-baħar jew bastiment ieħor.

Kif lanqas ser jiġu garantiti xi riżorsi għall-fini ta’ assistenza lil immigranti rregolari fuq kwalunkwe’ opra tal-baħar jew bastiment.

Il-Gvern Malti temm ifakkar li għal bosta snin, pajjiżna dejjem refa’ piż aktar milli jiflaħ fil-qasam tal-immigrazzjoni rregolari.

Minkejja r-riżorsi limitati u ċ-ċokon ta’ pajjiżna bħala l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea, Malta tat kenn lill-eluf ta’ persuni.

Iżda, bis-sitwazzjoni kif żviluppat u wara kunsiderazzjoni fil-fond, Malta ma fadlilha ebda għażla għajr li tieħu dawn id-deċiżjonijiet li jirriflettu ċ-ċirkostanzi straordinarji li ninsabu fihom illum.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *