Ibliet u rħula Maltin u Għawdxin se jiġu mħaddra f’inizjattiva mill-Ministeru għall-Ambjent bl-iskop li jittejjeb l-ambjent f’żoni urbani.
L-ewwel fażi tal-proġett se ssir ma’ numru ta’ kunsilli lokali li se jingħataw fondi mill-Ministeru biex jimplimentaw numru ta’ proġetti ta’ tħaddir ta’ pajjiżna.
Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li wasal iż-żmien li jitjieb l-ambjent fil-komunità.
“Dawn huma żoni li għandhom ħafna bini u ħafna żvilupp. L-għan huwa li ammont ta’ kunsilli lokali jibbenefikaw minn dan l-investiment f’siġar u arbuxelli li se jitħawlu fiż-żmien li ġej bl-għan aħħari li mhux biss inħaddru u nsaħħu dawn l-areas imma wkoll li l-poplu Malti jgħix kwalità ta’ ħajja aħjar.” Stqarr il-Ministru Farrugia.
L-ispeċji ta’ xtieli li se jkunu qed jintużaw huma b’rispett għal-linji gwida maħruġa mill-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent u huma xierqa għas-siti proposti.
Il-kunsilli li se jibbenefikaw huma l-Qala, Tas-Sliema, il-Gudja, Ħaż Żebbuġ u l-Ħamrun.
Is-sindku Ħamruniż u kunsillier Slimiż esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għal dan.
“Ħa nkunu qegħdin nagħmlu xi ħaġa flimkien mal-istudenti, residenti u dawk li jiġu l-Ħamrun fejn dal-proġett jinkludi fih żewġ open classrooms fejn l-istduenti jkunu jistgħu jagħmlu xi lezzjonijiet hemmhekk u r-residenti filgħaxija fejn ikunu jistgħu jagħmlu xi tip ta’ sports.” Stqarr Christian Zammit, is-Sindku Ħamruniż filwaqt li l-kunsillier Slimiż Paul Radmilli saħaq, “Aħna l-proġett tagħna huwa għal tħawwil ta’ siġar fiż-żona tax-xatt. Għażilna tliet speċi ta’ siġar li huma siġar li jagħmlu fjuri fi żmijiet differenti tas-sena. Dawn huma siġar ta’ ġuda, siġra tal-lewż u siġra sejba speziosa.”
Apparti li jsebbħu, is-siġar u arbuxelli se jkunu ta’ benefiċċju għall-komunità bil-purifikazzjoni tal-arja tal-madwar. Fl-istess waqt, dawn is-siġar se jkunu bejtiet għall-għasafar u l-insetti.