Sa issa tħallsu iżjed minn miljun u mitt elf ewro f’benefiċċji soċjali lil ħaddiema milquta mill-pandemija tal-COVID-19.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon hekk kif ġie spjegat li f’temp ta’ ftit jiem ġew sottomessi kważi 6000 applikazzjoni għall-erba’ benefiċċji li ħareġ il-Gvern u li hu nkarigat minnhom dan il-Ministeru.
Dawn jinkludu l-benefiċċju għall-ġenituri li jkollhom joqogħdu d-dar sabiex jieħdu ħsieb lit-tfal, il-benefiċċju għall-persuni b’diżabilità , dak addizzjonali għal diżimpjieg inkluż il-benefiċċju kontributorju u l-benefiċċju mediku.
B’kollox kien hemm 4,449 talba għall-benefiċċju tal-ġenituri, 423 talba għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabilitá, 279 talba għall-benefiċċju ta’ dawk li tilfu xogħlhom u 169 talba għal benefiċċju mediku.
Dawn tal-aħħar huma persuni meqjusa vulnerabbli u li minħabba d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa waqfu jmorru għax-xogħol.
Il-Ministru Michael Falzon spjega kif sa issa diġà nħadmu nofs dawn it-talbiet filwaqt li 2,435 talba ġew imħallsa.
“Kellna sa’ issa madwar 6000 applikazzjoni, iktar minn nofshom maħdumin u aktar minn 2400 li diġà bdew jirċievu l-ħlasijiet. Ħlasijiet li ser jibdew isiru kull ġimgħa. Erba’ miżuri li jistgħu jwasslu għal nefqa ta’ 70 miljun fix-xahar u dik biss turi l-impenn tal-Gvern kemm verament iħobb u għandu għal qalbu l-fibra soċjali ta’ pajjiżna.” Stqarr il-Ministru Falzon.
Waqt l-istess konferenza s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Mark Musù spjega li l-ewwel ħlasijiet saru sitt ijiem biss wara li bdew jintlaqgħu l-ewwel applikazzjonijiet.
Spjega wkoll kif dawk li għadhom ma tħallsux, l-ewwel pagament se jkun ikopri arretrati b’lura skont minn meta jkunu eleġibbli.
“Naturalment f’dan il-perjodu jridu jitnaqqsu 10% kif jiġri kieku qiegħed taħdem u għandek il-paga mill-ammonti li trid tirċievi sabiex dawn umbgħad imorru għall-ħlas tal-bolla u b’dan il-mod allura anke f’dan il-perjodu ta’ diffikultà dak li jkun mhux se jkun skopert bħala kontribuzzjoni u ma jkunx affetwat ħażin meta għada pit għada jiġi għall-pensjoni. ” Saħaq Musù.