Imfaħħar ir-rispons tal-Gvern għall-pandemija – One News

Notifiki

Imfaħħar ir-rispons tal-Gvern għall-pandemija

Artiklu fuq it-Times faħħar ir-rispons tal-Gvern għall-pandemija.

L-opinjonista Martin Scicluna saħaq li l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela għamel xogħol tremend biex ħoloq malajr skemi t’għajnuna biex jgħin lil min iħaddem u l-ħaddiema.

Scicluna fakkar li llum qed naħsdu l-investiment qawwi li sar mill-Gvern fil-qasam tas-saħħa.

Spjega kif f’Malta Gvern kompetenti, immexxi minn Prim Ministru u Deputat Prim Ministru li jgawdu livelli bla preċedent ta’ fiduċja msaħħa minn servizz mediku eċċellenti ta’ saħħa pubblika, daħħal miżuri gradwali biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna.

Intant l-editorjal tal-Independent innota t-tfixkil tal-Oppożizzjoni fiż-żmien li pajjiżna jeħtieġ iżjed forzi magħqudin flimkien biex negħlbu l-pandemija.

“Jekk tagħżel li ma tgħinx, almenu m’għandiex toħloq ostakli bla bżonn”, saħaq il-ġurnal The Malta Independent.

L-editur ġab eżempju b’allegazzjoni li għamel id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li semma kumpanija li ġiet preferuta minn qabel b’rabta mas-sejħa għal bini ta’ sptar b’materjal pre-fabbrikat fi żmien tmien ġimgħat.

Għal din l-allegazzjoni, il-Gvern ordna investigazzjoni u wara ġimgħa sar magħruf li l-kumpanija msemmija minn Jason Azzopardi lanqas biss kienet interessata u lanqas tefgħet proposta għall-kuntratt tal-bini ta’ dan l-isptar.

“Ilkoll nafu li kull ġurnata hija importanti fil-ġlieda kontra l-pandemija u din il-ġimgħa li ntiflet tista’ tiswina”, saħaq il-ġurnal li spjeaa li dan mhux il-mod kif il-Partit Nazzjonalista jipprova ma jkunx partiġjan f’materja ta’ interess nazzjonali.

L-Independent saħaq il-partit immexxi minn Adrian Delia prova jiskorja punti politiċi iżda minflok il-Partit Nazzjonalista spara f’saqajh.

L-editorjal tal-Independent temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista għadu qed isibha diffiċli biex ikun relevanti u kredibbli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend