Anzjana ta’ 92 sena tmut wara li kienet infettata bil-Coronavirus – One News

Notifiki

Anzjana ta’ 92 sena tmut wara li kienet infettata bil-Coronavirus

Għawdxija ta’ tnejn u disgħin sena li kienet tbati min-numru ta’ kundizzjonijiet iżda kienet pożittiva għall-Coronavirus tilfet ħajjitha.

Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħaxija.

Huwa spjega kif hija kienet tbati min numru ta’ kundizzjonijiet fosthom mard tal-kliewi, dijabete u mard tal-qalb.  Għalhekk kienet persuna vulnerabbli.

Il-Ministru Fearne stqarr, “Kienet waħda minn dawk il-persuni nerġa ngħid mara ta’ 92 sena, illi hija vulnerabbli. Kienet vulnerabbli ħafna jekk ikollha infezzjoni bil-Covid. Fil-fatt, it-tobba tagħha lili spjegawli meta kont qed nitkellem magħhom li din anke jekk jaqbadha riħ kien kważi joqtolha tant kienet waslet f’sitwazzjoni prekarja.”

Huwa stqarr li din mhux ser tkun l-ewwel u l-aħħar mewt bil-Covid-19 hekk kif Malta mhux differenti mill-pajjiżi l-oħra.  Stqarr li qed issir ħidma kbira sabiex jitnaqqas in-numru ta’ każijiet u n-numru ta’ mwiet.  Stqarr li l-iktar li rridu nieħdu ħsieb huma il-persuni l-iktar huma vulnerabbli.

Il-Ministru għas-Saħħa tenna, “Meta ddeċidejna illi ngħidu lil tal-ħwienet jagħlqu ħlief għal affarijiet essenzjali, meta għidna lir-restaurants jagħlqu u l-bars jagħlqu, il-każini jagħlqu, meta waqqafna t-turisti milli jiġu Malta għax waqqafna l-flights u waqqafna l-Cruiseliners,  konna qed nieħdu deċiżjonijiet illi nafu li se jħallu impatt fil-business, fuq l-ekonomija, fuq kemm in-nies kapaċi jaqilgħu flus, imma konna nafu li b’dawn il-miżuri ħa nagħmlu dak kollu li nistgħu bħala pajjiż biex nissalvagwardjaw is-saħħa ta’ kull wieħed u waħda minnha.”

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne appella mill-ġdid sabiex ikunu mħarsa d-direttivi kollha tal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex ikunu protetti l-iktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.  Huwa stqarr li huwa bil-koperazzjoni tal-pubbliku biss li kull persuna infettata tkun tista’ tiġi mgħejjuna.

Huwa saħaq, “It-tsunami rridu ndawruha fi xmara biex tkun kontrollata, dak jiddependi mill-koperazzjoni tal-pubbliku.  Nerġa ngħid mhux biss barra t-triq, fil-pjazez u fil-widien u fil-ġonna, kif qed jiġri, imma anke fi djarna.  Dawn it-tlett ijiem tal-Għid ejja noqgħodu attenti li ma ninġabrux fi gruppi kbar.  Naf li tradizzjonalment dan huwa żmien ta hekk.  Din is-sena naqbżuha.”

Min-naħa tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci ħeġġet biex il-pubbliku jsegwi l-miżuri għaliex dawn jevitaw li l-infezzjoni tinfirex malajr filwaqt li jipproteġu lill-iktar vulnerabbli.  Stqarret li huwa inevitabbli li jkollna iżjed imwiet iżda irridu innaqsu kemm nifilħu.

L-Awtoritajiet offrew il-kondoljanzi lil qraba tal-anzjana u fissru kif il-mument tal-aħbar tal-mewt ġab dieqa kbira.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend