It-52 każ mhumiex sorpriża… stennejniehom ġimgħa ilu – id-DPM – One News

Notifiki

It-52 każ mhumiex sorpriża… stennejniehom ġimgħa ilu – id-DPM


In-numru ta’ każijiet ta’ Coronavirus f’pajjiżna kien antiċipat li jintlaħaq il-ġimgħa li għaddiet.

Stqarr dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fil-konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar 52 każ ġdid.

Il-Ministru aċċenna li l-mewġa ta’ każijiet qed timxi kif previst, u l-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jikkontrollaw kif mistenni din il-pandemija.

Huwa stqarr: “Konna qed nistennew li jkollna dawn it-tip ta’ figuri fil-fatt mhux illum imma ftit ġranet ilu jiġifieri li konna ħa nilħqu t-tliet mitt każ ta’ coronavirus f’Malta u Għawdex, konna qed nistennewh biex inkunu preċiżi l-ġimgħa li għaddiet.”

Il-Ministru spjega li l-fatt li bħala pajjiż ittardjajna bi ftit ġranet biex ilħaqna dawn in-numri, ifisser li l-miżuri li ddaħħlu fl-aħħar ġimgħat qed jiġu segwiti u qed iħallu effett.

Huwa sostna: “L-importanti hu li dawn il-miżuri nibqgħu nħarsuhom, nibqgħu ffukati, nibqgħu ddixxiplinati għax il-curve qed tiġri, qed timxi, skont kif konna qed naħsbu aħna.”

Il-Ministru saħaq li l-aktar ħaġa importanti hi li l-mewġa ta’ infezzjonijiet titla’ b’mod ikkontrollat ħalli s-servizzi tas-saħħa jlaħħqu magħha.

Spjega li fl-aħħar sigħat bdew isiru testijiet iżjed intensivi biex jipproteġu l-ħaddiema tas-saħħa u dawk fil-forzi tal-ordni.

Il-Ministru kompla jispjega: “Biex nipproteġu kemm jista’ jkun aktar il-ħaddiema tagħna kemm fl-isptarijiet kif ukoll dawk li huma fuq il-front line – l-armata, il-Pulizija, CPD, bdejna mill-bieraħ nagħmlu testijiet naqra iżjed intensivi fuq dawn il-persuni biex nipproteġu u nieħdu ħsiebhom u anki lill-familjari tagħhom.”

Il-Ministru qal li b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Richmond, tnieda helpline li eventwalment se jkun qed jaħdem erbgħa u għoxrin siegħa kuljum għal persuni li jkollhom bżonn għajnuna jew appoġġ mentali, li jistgħu jċemplu fuq in-numru 1770.

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar l-ilbies tal-maskli, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega li f’ċertu pajjiżi hemm direttivi biex il-maskli jintlibsu minn kulħadd. Iżda s’issa, f’Malta ma wasalniex fi stadju fejn bilfors kulħadd jilbes maskli.

Huwa temm b’appell ċar għad-dixxiplina u r-responsabbilità għax is-suċċess tal-kontroll tal-epidemija jiddependi fuq il-poplu kollu.

Il-Ministru qal: “Żommu ġewwa, żommu lilkom infuskom b’saħħitkom, agħtu solidarjetà man-nies ta’ madwarkom ħalli flimkien nieħdu ħsieb is-saħħa tagħna lkoll.”

Aqra wkoll:

52 każ ġdid tal-Coronavirus f’Malta

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend