ARA: Kif il-Coronavirus kompliet tħalli l-effetti tagħha madwar id-dinja – One News

Notifiki

ARA: Kif il-Coronavirus kompliet tħalli l-effetti tagħha madwar id-dinja

Fir-Renju Unit il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson kellu jiddaħħal f’taqsima tal-kura intensiva fi sptar f’Londra kawża tas-sintomi persistenti tal-Coronavirus.

Kelliem għall-Gvern Ingliż qal li l-Prim Ministru jinsab f’qagħda stabbli u mhux qed jagħmel użu mill-ventilatur. Sadanittant is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin Dominic Raab qed imexxi hu fin-nuqqas tiegħu.

Dan qal li Johnson jinsab f’idejn tajba u l-aqwa tobba Ingliżi qed jikkuraw lil Boris Johnson.

Bosta dinjitarji awguraw fejqan ta’ malajr lil Johnson fosthom il-Prim Ministru Malti Robert Abela u l-President ta’ Malta George Vella.

Fl-Ingliterra n-numru ta’ mwiet tela għal 758 biex issa t-total huwa ta’ 5,655 filwaqt li fl-Iskozja ġew ikkonfermati 74 persuna oħra mejta b’hekk it-total issa tela għal 296.

Intant fl-Italja n-numru tal-mejta fl-aħħar 24 siegħa laħħaq ftit aktar minn sitt mija.

Dan fisser tnaqqis żgħir fuq il-jum ta’ qabel.

Fi Franza fl-aħħar 24 siegħa mietu tmien mija u tlieta u tletin ruħ wara li kienu infettati bil-Coronavirus.

Dan hu l-akbar numru ta’ nies li tilfu ħajjithom f’dan il-pajjiż.

F’aktar miżuri drastiċi li ħa l-Gvern Franċiż, f’Pariġi issa huwa projbit il-ħruġ tan-nies matul il-jum.

Fi Spanja fl-aħħar siegħat mietu 743 persuna. It-total ta’ mwiet fil-pajjiż issa qed iqarreb l-14,000 persuna. Dan filwaqt li aktar minn 140,000 ruħ fi Spanja rriżultaw fil-pożittiv għall-Coronavirus.

Fl-Istati Uniti kemm hemm aktar minn 1,000 każ ta’ mwiet irrapurtat f’ġurnata– dan huwa aktar minn kull total ta’ f’ġurnata f’kwalunkwe pajjiż ieħor.

Intant għall-ewwel darba, fiċ-Ċina ma ġew rrapurtati l-ebda mwiet relatati mal-Coronavirus minn mindu bdiet din it-tifqiegħa.

U f’Wuhan li huwa l-epiċentru minn fejn beda l-virus – minn nhar il-Erbgħa n-nies ser ikunu jistgħu joħorġu għall-ewwel darba minn mindu skatta l-lockdown f’Jannar li għadda.

Madwar id-dinja hemm aktar minn miljun u tlett mitt elf każ ikkonfermat ta’ Coronavirus.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend