52 każ ġdid tal-Coronavirus f’Malta – One News

Notifiki

52 każ ġdid tal-Coronavirus f’Malta


Fil-jum li jimmarka xahar mindu feġġ l-ewwel każ ta’ Coronavirus f’pajjiżna, ġew irrappurtati tnejn u ħamsin każ ġdid minn fost rekord ta’ 825 test, biex it-total ta’ persuni infettati f’Malta tela’ għal 293.

Fost il-każijiet ġodda, hemm anzjana residenti f’dar tal-anzjani li qed tinżamm f’iżolament.

F’konferenza tal-aħbarijiet mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci, kien spjegat li erbgħa mill-pazjenti l-ġodda ttieħdu l-Isptar Mater Dei, u tlieta oħra qed jinżammu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dawn jinsabu f’qagħda stabbli imma hemm min għandu mard ieħor u jpoġġihom fi stat aktar vulnerabbli.

Il-Ministru tas-Saħħa ċċara li ħadd mill-pazjenti li rriżultaw pożittivi fl-aħħar sigħat ma huma immigranti.

Huwa spjega: “Dawn it-52 każ speċifiku, sa issa, mill-informazzjoni li għandna, ma jidhirx li huma relatati ma’ Ħal Far. Ma jfissirx li fl-open centre ta’ Ħal Far mhux se jkollna aktar każijiet fil-ġranet li ġejjin.”

Il-maġġoranza tal-każijiet huma rġiel u Maltin. Hemm ukoll erba’ Għawdxin. Fost il-każijiet ta’ persuni barranin hemm Somalu li jgħix Malta fil-komunità u mhux f’ċentru tal-immigranti.

B’kollox sa issa saru 11,740 test.

Is-Supretendent tas-Saħħa tas-Saħħa Pubblika spjegat: “Il-ħidma tagħna ta’ kontinġenza li għadna f’din il-fażi hija li nibqgħu nsibu aktar nies għaliex iżjed ma nsibu nafu li nistgħu nieħdu l-miżuri.”

Il-Professur Gauci spjegat li qed tinżamm l-informazzjoni kollha tal-pazjenti fuq sistema pprovduta mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, biex l-awtoritajiet Maltin ikollhom stampa ċara tal-mappa f’Malta u fejn hemm l-aktar każijiet. Din se tiġi ppubblikata fiż-żmien li ġej.

Fakkret iżda li trażmissjoni lokali ma ssirx biss fil-lokalità li minnha jkun ġej l-individwu.

Il-Professur Gauci stqarret: “Inti jista’ jkollok trażmissjoni mhux biss fid-dar tal-persuni imma pereżempju fuq il-post tax-xogħol jew jekk huma ħarġu fil-komunità però din id-data kif ikollna ftit iktar każijiet u naraw li hija sinifikanti statistikament inkunu nistgħu nippubblikawha.”

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tenniet l-appell biex issa li hemm ħafna każijiet trażmessi lokalment, u anki nies li rriżultaw fil-pożittiv li huma meqjusa vulnerabbli, ħadd ma joħroġ bla bżonn.

Hija saħqet: “L-iżjed li jinkwetawna huma n-nies li mhux insibu għax dawk jistgħu jkunu nies li qegħdin iferrxu allura l-unika ħaġa li jista’ jagħmel il-pubbliku hija li jħares il-miżuri li nagħmlu rakkomondazzjonijiet għalihom aħna u jsegwu l-liġijiet li daħħalna fis-seħħ għax jagħmlu sens fl-istadju li qegħdin fih bħalissa.” 22

 

Aqra wkoll:

It-52 każ mhumiex sorpriża… stennejniehom ġimgħa ilu – id-DPM

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend