Il-pulizija toħroġ 30 allegat agressur mid-dar wara rapporti ta’ vjolenza domestika – One News

Notifiki

Il-pulizija toħroġ 30 allegat agressur mid-dar wara rapporti ta’ vjolenza domestika

Tul l-2019, il-Pulizija ħarġet tletin allegat agressur minn djarhom wara li daħlu rapporti ta’ vjolenza domestika u t-talba għall-protezzjoni temporanja ġiet milqugħa. Dan in-numru ma jinkludix dawk l-allegat agressuri li kienu ordnati mill-Qorti joħorġu mid-dar tal-vittma, jew li ħarġu mid-dar minn jheddhom.

Minkejja li huwa ta’ sodisfazzjon li qed isir infurzar xieraq f’dawn it-tip ta’ każijiet, il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri qalet li wieħed irid jikkunsidra wkoll l-ammont ta’ rapporti li daħlu.

“Jekk daħlu 2,00 rapport, u mill-informazzjoni li għandi, viċin din iċ-ċifra, 30 huwa numru żgħir filfatt.” Stqarret Friggieri.

 Friggieri spjegat li malli jidħol rapport ta’ allegat vjolenza domestika għand il-Pulizija, isir stħarriġ mill-ħaddiema soċjali biex jaraw f’liema livell ta’ riskju tinsab il-vittma dak il-ħin. Jekk ir-riskju jkun għoli l-Pulizija mal-ewwel tavża l-Maġistrat tal-Għassa biex joħroġ ordni temporanja ta’ protezzjoni.

Friggieri kompliet tgħid, “Jiġifieri li l-Pulizija jingħata liċenzja biex ir-raġel jew min ikun li qed jattwa l-abbuż u l-vjolenza fuq persuna oħra, jkun imġiegħel joħroġ mid-dar.”

F’dawn iż-żminijiet ħafna vittmi qed ikunu kostretti jibqgħu fi djarhom mal-allegat agressuri stess, u allura mhux biss hemm riskju akbar li l-allegat agressjoni titkompla, iżda l-vittma jaf tkun mgħassa aktar mill-allegat aggressur jekk tipprova tagħmel rapport.

Il-Kummissarju spjegat li servizzi li kienu disponibbli sa issa baqgħu fis-seħħ, iżda wieħed jista’ jirrapporta każ ta’ abbuż jew vjolenza fuq il-mobile app tal-linja 112. Din tista’ titniżżel mis-sit tal-Ministeru għall-Intern.

“Minn hemm tniżżel l-app u meta persuna tħossha fil-periklu jew li għandha bżonn l-għajnuna, kemm tagħfasha, tiġi tracked u l-għajnuna tiġi fuq il-post.” Ikkonkludiet tgħid.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend