Notifiki

ESKLUSSIVA: Ara l-mument li l-koppja Maltija titniżżel mill-cruiseliner Colombus biex taqbad triqtha lejn Malta

Kien fuq dan il-cruiseliner li koppja Maltija kienet maqbuda għal aktar minn xahar.

Joe Mercieca u Marthese Bonello, it-tnejn ta’ 70 sena, talbu l-għajnuna tal-Gvern Malti sabiex jaraw hux possibbli li jinġiebu lura Malta hekk kif bħala prekawzjoni l-cruiseliner ma tħalliex jidħol fil-portijiet Maltin.

Il-Gvern Malti sema’ t-talba tagħhom u wara kuntatt ma’ dawk kollha nvoluti, it-Tnejn filgħodu skattat operazzjoni minn Transport Malta li ġabet lura lill-koppja Maltija.

ONE News segwa mill-qrib din l-operazzjoni mmexxija minn Transport Malta hekk kif rikeb abbord lanċa li assistiet l-operazzjoni delikata li rat lill-koppja jirritornaw lura pajjiżhom.

Hekk kif il-cruiseliner kien ankrat lest biex jirċievi l-fjuwil sabiex jaqbad triqtu lejn ir-Renju Unit, sar it-trasferiment tal-koppja għal fuq il-lanċa tal-koperattiva Malta Maritime Pilots.

Mument ħelu waqt it-trasferitment tal-koppja għal fuq il-Pilot Boat kien meta għexirien ta’ persuni abbord il-Colombus li kienu qed isegwu dak kollu li qed jiġri, sellmu għall-aħħar darba lill-koppja Maltija.

Min hemmek il-koppja ttieħdet lura Malta b’uffiċjali ta’ Transport Malta maġenb il-Pilot Boat lesti għal kull intopp li jista’ jinqala bejn sema’ u ilma.

Spikkat ukoll l-aħħar tislima tal-koppja lejn dawk li qattgħu iżjed minn xahar magħhom.

It-tislima kienet reċiproka.

Għal ħabta tas-sagħtejn u nofs reġgħu rifsu fuq art Maltija hekk kif id-dgħajsa li kienu abbord fuqha waslet f’Pinto Wharf.

F’kumment lil midja eżatt mal-wasla tagħhom f’Malta spikka l-ottimiżmu ta’ din il-koppja.

“Din kienet avventura li żvolġiet kif żvolġiet ninsabu qawwijin u sħaħ u l-ispirtu avventuruż jibqa’ hemm.” Stqarru l-koppja.

Il-koppja Maltija issa ser toqgħod fi kwarantina obbligatorja hekk kif huma meqjusa vulnerabbli u jbatu minn kundizzjonijiet mediċi kroniċi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend