L-immigranti taċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far ordnati joqogħdu kwarantina – One News

Notifiki

L-immigranti taċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far ordnati joqogħdu kwarantina

B’effett immedjat mill-Ħadd filgħaxija, l-immigranti fiċ-Ċentru miftuħ ta’ Ħal Far iridu jsegwu kwarantina obbligatorja ta’ 14-il ġurnata.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri, flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega li fl-aħħar sigħat kien hemm tmien każijiet ta’ coronavirus li huma immigranti fiċ-ċentru l-miftuħ ta’ Ħal Far.

Qal li ġew iżolati l-każijiet li kienu pożittivi u n-nies li kienu f’kuntatt magħhom tpoġġew fi kwarantina, iżda issa ħarġet fid-deher il-possibilità li l-mikrobu nfirex fost numru ta’ nies li qegħdin fiċ-ċentru l-miftuħ.

Għaldaqstant ittieħdet id-deċiżjoni li l-immigranti kollha fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far joqogħdu kwarantina ta’ ġimagħtejn.

Spjega li din mhix kwistjoni ta’ kulur jew razza, imma biex titħares is-saħħa pubblika.

Kien spjegat li din id-deċiżjoni kienet antiċipata minn żmien ilu, u issa fl-ewwel fażi ta’ dan il-pjan, iddaħħlu diversi miżuri ta’ prekawzjoni.

Fost l-oħrajn ġie llimitat l-aċċess, u ngħatat kemm jista’ jkun informazzjoni f’lingwi differenti.

Spjega li żdiedet il-preżenza medika u saret ukoll sħubija mal-Għaqda tas-Salib l-Aħmar li bdew joperaw klinika li twaqqfet apposta biswit iċ-ċentru. Din il-klinika hija mgħammra b’tali mod li tista’ toffri kura lil residenti infettati bil-virus biex titnaqqas il-pressjoni minn fuq is-servizz tas-saħħa pubblika.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri kien ċar.

“Il-Gvern mhu se jħalli xejn li jipperikola l-ħidma kollha li saret u qed issir kontra t-tixrid tal-Coronavirus.”

Però l-Gvern irid jieħu u jikkomunika d-deċiżjonijiet tiegħu fil-mument opportun. Dan biex deċiżjoni mhux biss tkun tħabbret għal għajn in-nies, iżda tiġi esegwita bl-aqwa mod”, spjega l-Ministru Byron Camilleri.

Il-Ministru Byron Camilleri saħaq li l-prijorità hi li din il-kwarantina tkun infurzata bħal f’kull każ ieħor.

Qal li l-preżenza tal-forzi tal-ordni f’Ħal Far u qrib taċ-ċentru miftuħ hija maħsuba biex tara li jkunu osservati l-liġijiet marbuta mal-kwarantina.

Qal li l-pieni mħabbra sa issa se japplikaw jekk kemm-il darba jinstab li persuni miċ-ċentru jkunu qed jipperikolaw saħħithom u s-saħħa ta’ ħaddieħor.

Il-Ministru Camilleri kellu wkoll appell għal min iħaddem.

“Kulħadd huwa konxju tas-sagrifiċċju li qed jagħmlu eluf ta’ ħaddiema, Maltin u barranin, minħabba li ma jistgħux jirrapportaw għax-xogħol. Fiċ-ċirkostanzi li qed nitkellmu dwarhom, qed nistennew li min iħaddem lil uħud mir-residenti ta’ dan iċ-ċentru jkunu spalla ma’ spalla magħna. Ma rridux li jintbagħat ħjiel lir-residenti li jistgħu jirrapportaw għax-xogħol. L-obbligu tal-kwarantina huwa impost mil-liġi u dawk li jħajruhom joħorġu minn hemmhekk se jkunu qed jassistu persuni li qed jgħinu jiksru l-liġi.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend