“L-għaqda u s-solidarjetà spikkaw fil-mument ta’ prova” – il-President George Vella – One News

Notifiki

“L-għaqda u s-solidarjetà spikkaw fil-mument ta’ prova” – il-President George Vella

 Is-solidarjetà u l-għaqda spikkaw fil-mument tal-prova. Dawn dejjem sħaqt fuqhom tul l-aħħar tnax-il xahar u se nibqa’ ninsisti fuqhom tul il-Presidenza.

Dan kien kliem il-President George Vella f’messaġġ li għadda lill-poplu hekk kif fakkar l-ewwel sena tal-Presidenza tiegħu nhar l-4 ta’ April.

“Kienet sena mimlija avvenimenti fuq bażi nazzjonali u internazzjonali. Il-bidu tal-Presidenza għadda minn ċirkostanzi bla preċedent, imma fl-aħħar mill-aħħar il-poplu Malti dejjem wera l-karattru veru tiegħu.”

 Irrefera għall-perjodu tranżitorju sakemm inħatar il-Prim Ministru Robert Abela fejn spikkat il-maturita politika.

Dwar ir-Riforma Kostituzzjonali, il-President Vella qal li kien hemm parteċipazzjoni tajba tul  il-proċess ta’ konsultazzjoni, u l-proposti mressqa qed jiġu analizzati.

Il-pass li jmiss huwa li b’aktar konsultazzjoni pubblika nwittu t-triq għall-Konvenzjoni Kostituzzjonali li għandha twassal biex tixpruna aktar ideat għall-abbozzi li permezz tagħhom isiru l-emendi li jinħass li jkunu meħtieġa fil-Kostituzzjoni biex mbagħad jgħaddu mill-Parlament.”

L-ewwel sena tal-Presidenza ġabet magħha sfidi iżda wkoll bosta mumenti ta’ sodisfazzjon, grazzi għall-bosta laqgħat u ċerimonji internazzjonali li kellu ċ-ċans jattendi, kif ukoll il-kuntatt li dejjem żamm lokalment.

“Irrid nara wkoll fix-xhur li ġejjin it-twettieq ta’ riformi li jattwaw aktar miżuri li jsaħħu s-saltna tad-dritt kif ukoll li tiżdied il-fiduċja fil-qasam ġudizzjarju.”

Ma naqsitx ukoll referenza għall-isfida li għaddejja minnha d-dinja: il-pandemija tal-COVID-19. Hawnhekk assigura li s-sitwazzjoni qed tinżamm taħt il-lenti tal-awtoritajiet u awgura biex jibqa’ jiddomina s-sens ta’ solidarjetà li nislet fina l-pandemija. Dan anke biex dawk l-appuntamenti li kellhom jitħassru jew jiġu posposti, malajr jerġgħu jsibu posthom fil-kalendarji tagħna.

Il-President George Vella temm jgħid li jittama li x-xhur li ġejjin jaraw twettiq ta’ riformi li jsaħħu s-saltna tad-dritt, kif ukoll li tiżdied il-fiduċja fil-qasam ġudizzjarju. Qal ukoll li jrid li l-kamp politiku jiffoka aktar fuq il-ħolqien tal-ġustizzja soċjali u tal-ġid għas-soċjetà kollha.

“Irrid ngħidilkom li f’dawn iż-żminijiet diffiċli ningħaqdu magħkom għax bħalkom qed noqgħodu d-dar u nsegwu l-ordnijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa għall-ġid ta’ pajjiżna. Grazzi u saħħa, u Viva Malta Repubblika.”

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend