Sa ċertu punt… – One News

Notifiki

Sa ċertu punt…

Kelli argument mat-tfal dwar jekk fiċ-ċirkostanzi tal-lum għandux jibqa’ hekk iebes is-sigriet professjonali li ma jingħad xejn dwar min ikun infettat mill-Coronavirus. Nemmen li kollox għandu l-limitu, u kull dritt għandu jkollu l-bilanċ fejn jidħol l-interess ġenerali.

Riċentement kien hemm każ ta’ supermarket li fih kien instabet persuna li kienet imniġġza.  L-Awtoritajiet għamlu sewwa u għalqu, u wissew. Kulħadd kien jaf fejn kien, u kulħadd kien imwissi biex iżomm ‘il bogħod. Sewwa.

Ma nkiser l-ebda sigriet. Fil-fehma ħadd ma weġġa’,  jekk xejn ħadd ma ngidem.

Għandna liġi li tgħid li bniedem li jikkorrompi tfal,  ikollu ismu mniżżel fi ktieb u dan biex jarawh in-nies u jkunu jistgħu jieħdu passi biex jipproteġu. Din mhix liġi ħażina,  għalkemm tolqot il-privatezza tal-persuna,  li ħafna drabi jkun xi ftit mhux normali wkoll. L-interess ġenerali huwa pero` akbar, u sewwa li hekk isir,  għax  marid kemm hu mohħħ marid, teħodha bi kbira xejn li jerġa’ koppi.

Issa llum jkollna nformazzjoni kemm huma n-numri.  Jista’ jfissru l-istess bħan-numri tas-Superfive għal wieħed li l-anqas biss jilgħab. Imma ma jmexxu lil ħadd biex jevita li jitniġġeż, bħal ma ġara f’tas-Supermarket.

Ara l-posta malajr ħarġet tgiddeb dik il-fake news meta qalu li hemm ħames pustieri li huma miniġġza. Għamlu sew u bir-raġun. Għax informazzjoni tajba.

It-tfal tiegħi argumentaw li jekk jkun hemm informazzjoni fuq il-marid,  allura n-nies tibda toqgħod lura milli tidher u tmur ghall-kura.  Jista’ jkun ukoll.  Imma ma hemm l-ebda trid tan-nofs ?

Nemmen li huwa dritt tal-informazzjoni li biex in-nies toqgħod attenta,  informazzjoni biex tiftaħ l-għajnejn għandha tkun. Mhux biex noqgħod ngħidu b’dak u l-ieħor,  għax wara kollox taħt sema wieħed.  Imma jekk tgħidli li fuq il-bankijiet tal-pjazza ta’ Bu Fies sabu nies morda,   naħseb li noqgħod attent li ma mmurx Bu Fies,  u jekk immur ma ngħaddix mill-pjazza.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend