Illum huwa l-Jum Dinji tal-awtiżmu – One News

Notifiki

Illum huwa l-Jum Dinji tal-awtiżmu

Din is-sena, il-Jum Dinji dwar l-awtiżmu ġie fl-isfond ta’ pandemija globali, il-kriżi li faqqgħet minħabba l-virus tal-Coronavirus. Filwaqt li din il-kriżi ġabet magħha sfidi għal kulħadd, għal pajjiżi differenti, u lgvernijiet u r-residenti tagħhom, wieħed ma jistax jinjora l-isfidi partikolari għal dawk il-persuni li ġeneralment isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ vulnerabilità, anki meta ma jkunx hemm kriżi, bħall-persuni b’diżabilità – fosthom persuni fil-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu – u l-familji tagħhom.

Il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu, fl-isfond ta’ tali sfidi, ma jistax ikun pro-attiv bl-istess mod ta’ kif altrimenti jkun ideali f’tali sitwazzjoni, billi jorganizza jew jipparteċipa f’laqgħat u avvenimenti differenti, inkonnessjoni max-Xahar Dinji dwar l-Awtiżmu li dejjem iseħħ f’April. Fi snin passati, ilKunsill ħadem flimkien ma’ entitajiet differenti, bħall-Università ta’ Malta, sabiex jitqajjem għarfien aħjar dwar l-awtiżmu, filwaqt li saru numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ diversi stakeholders, bi preparazzjoni għall-ewwel Strateġija Nazzjonali dwar l-Awtiżmu.

Wara li saru numru ta’ konsultazzjonijiet ma’ persuni u stakeholders differenti, sabiex ġie ppreparat dokument finali u reali f’dan ir-rigward, tali dokument sejjer jiġi varat b’mod xieraq wara li tkun għaddiet din il-kriżi. Sadattant, però, il-Kunsill xorta waħda sejjer ikompli bi sforzi għal aktar għarfien fil-kamp tal-awtiżmu, bil-għan li jkompli jinsisti għall-inklużjoni u għal aktar empowerment ta’ persuni fil-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu u tal-familji tagħhom.

Sforzi f’dan il-punt sejrin jinkludu t-tnedija ta’ siti ta’ midja soċjali waqt dan ix-xahar, li permezz tagħhom sejrin jiġu mferrxa artikli ta’ interess nazzjonali, kif ukoll riżorsi bħal dawk konnessi mal-kampanja Ewropea ta’ Autism-Europe, ‘I can learn. I can work’ (Nista’ nitgħallem. Nista’ naħdem). Sejjer ukoll jiġi varat email dedikat, sabiex il-pubbliku jkun jista’ jikkomunika aħjar mal-Kunsill li, bħal dejjem, sejjer jgħaddi tali domandi lil dawk l-entitajiet li l-aktar ikunu jistgħu joffru sapport.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità l-Onor. Silvio Parnis, jixtieq jieħu din l-opportunità sabiex jirringrazzja lil dawk il-ħaddiema kollha li qegħdin jaħdmu bla waqfien, u sikwit mingħajr ma jidhru, sabiex titrażżan il-pjaga tal-Coronavirus, u partikolarment lil dawk kollha li wrew u għadhom juru sensittività għall-bżonnijiet ta’ persuni fil-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu, u tal-familji tagħhom, f’xogħolhom.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu, Dott. Alistair de Gaetano, qiegħed isellem ukoll lil dawk l-entitajiet li jagħmlu parti minn dan il-Kunsill, fosthom id-Dipartimenti rilevanti fi ħdan il-Ministeri tal-Politika Soċjali, Saħħa u Edukazzjoni, kif ukoll l-Aġenzija Sapport, ilKummissjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u l-NGOs, għall-ħidma bla waqfien tagħhom li kompliet bla heda f’dan iż-żmien iebes.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend