Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li b’referenza għal artikoli ppublikati fuq il-mezzi soċjali, il-Partit jixtieq jikkjarifika t-trasparenza assoluta b’rabta mar-reġistru elettorali.
Fl-isqarrija l-Partit Laburista qal li jagħmilha ċara li s-sistema tal-IT msemmija mhix l-istess sistema li għandu l-Partit Laburista. Qal li għall-kuntrarju, dik is-sistema qatt ma kienet tal-PL. Il-Partit Laburista għandu s-sistema tiegħu li hija kkontrollata b’mod intern u l-kumpanija kif ukoll id-Direttur imsemmija qatt ma kellhom konnessjoni mal-istess sistema.
L-isqarrija żiedet tgħid li l-Kummissjoni Elettorali għandha l-obbligu li tgħaddi l-informazzjoni kollha aġġornata li tiġbor biex tiġbor r-reġistru elettorali b’mod elettroniku lill-partiti politiċi bil-għan li jassiguraw li l-proċess elettorali jkun wieħed trasparenti. L-istess informazzjoni tittieħed kemm mill-PL kif ukoll mill-PN.
Il-Partit Laburista temm jgħid li dan ifisser li l-informazzjoni li l-Partit Laburista jżomm, tiġi għandu skont il-liġi. Il-PL qal li dejjem qagħad attent kemm qabel daħlu r-regoli l-ġodda tal-GDPR (Mejju tal-2018) kif ukoll wara, b’konforma mal-liġijiet tal-pajjiż.