Id-dekan tal-fakultà tal-liġi Dr. Ivan Mifsud jinsab sodisfatt bl-għażla ta’ Dr. Mark Chetcuti bħala l-Prim Imħallef il-ġdid.
Dr. Mifsud qal li dan kien pass għaqli li sar bi qbil bla preċedent bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni favur is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
“Hija healthy u fejn hemm lok ta ftehiem jiftehmu. Ikollok oppożizzjoni u Gvern matur.”
Żied jgħid li l-Parlament għandu bżonn aktar mumenti bħal dawn fejn jintwerew passi ta’ maturità miż-żewġ naħat tal-kamra.
“Il-pajjiż għandu bżonn gvern stabbli u oppożizzjoni b’saħħitha. L-oppożizzjoni qiegħda hemm mhux biex topponi kollox imma biex tagħmel c-checks and balances. L-oppożizzjoni trid tagħti servizz mhux biss lil poplu imma anki lil gvern.”
Id-dekan tal-fakultà tal-liġi saħaq li l-Prim Imħallef il-ġdid huwa magħruf kemm xogħlu jagħmlu tajjeb.
“Qabel kien hemm xi żmien li kelli każijiet quddiemu dejjem kont impressjonat bl-effiċjenza tiegħu.”
Dr. Mark Chetcuti mistenni jilħaq Prim Imħallef wara li l-ġimgħa d-dieħla jirtira bl-età Dr. Joseph Azzopardi.
Dr. Chetcuti se jinħatar wara li sar b’parir bil-miktub mill-Kumitat għall-ħatriet fil-ġudikatura li hu magħmul mill-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u l-President tal-Kamra tal-Avukati.
Il-Gvern u l-Oppożizzjoni qablu wkoll fil-prinċipju dwar emendi maħsuba li jsiru, kemm fil-Kostituzzjoni u wkoll fil-liġijiet ordinarji ta’ pajjiżna, dwar kif għandhom jiġu maħtura ġudikanti ġodda, u dwar kif għandu jiġi maħtur Prim Imħallef eventwali hekk kif Dr. Mark Chetcuti jispiċċa minn din il-kariga.