Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li hu ma gidibx meta mar fuq ix-xandir nazzjonali u qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux dejn mal-ARMS f’kontijiet tad-dawl.
Iżda bilkemm għaddiet sekonda li l-istess Delia m’ammetiex li l-midja tal-Partit Nazzjonalista għandha d-dejn f’kontijiet mhux imħallsa.
Nhar is-Sibt is-sit lovinmalta ippubblika ittri bejn l-eks Segretarju Ġenerali Clyde Puli u l-ARMS li juru li sa Novembru l-Partit Nazzjonalista kellu dejn ta’ tlieta miljun u ħames mitt elf ewro.
F’ittra legali li bagħtet ARMS fit-tnax ta’ Novembru li għadda hemm miktub ċar li l-kumpanija tal-Partit Nazzjonalista media.link għandha tliet kontijiet pendenti li jammontaw għal ftit aktar minn mitejn u disgħa u għoxrin elf ewro, mitejn u għoxrin elf ewro u ftit aktar minn tliet miljun ewro.
B’kollox dawn il-kontijiet pendenti għall-ħlasijiet tal-elettriku u l-ilma jammontaw għal iktar minn tliet miljuni, erba’ mija u tlieta u disgħin elf.
Fl-ittra legali indirizzata lil Clyde Puli hemm miktub li fi żmien ġimgħa għandu jsir ftehim bonarju dwar il-ħlasijiet.
Fit-tweġiba tiegħu, permezz tal-avukati tiegħu, il-Partit Nazzjonalista rrikonoxxa li għandu jagħti ammont sostanzjali lil ARMS.
Fl-ittra mid-Dar Ċentrali saret talba biex l-ARMS tapprezza li l-ammont dovut huwa kbir u kull ftehim bonarju dwar il-ħlas irid ikun fattibbli sabiex il-Partit Nazzjonalista ma jerġax isib ruħu f’din is-sitwazzjonji.