“Sinjal b’saħħtu ta’ kemm nemmnu fis-saltna tad-dritt” – Il-PM – One News

Notifiki

“Sinjal b’saħħtu ta’ kemm nemmnu fis-saltna tad-dritt” – Il-PM

Waħda mill-ambizzjonijiet li kelli meta ħadt f’idejja t-tmexxija tal-pajjiż xahrejn u nofs ilu, kienet li naslu għall-kunsens dwar il-kariga ta’ Prim Imħallef.

Kliem il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament meta tenna s-sodisfazzjon tiegħu għall-qbil bla preċedent bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef.

Dr Abela nnota li l-Prim Imħallef se jkun qed imexxi l-Qrati ta’ pajjiżna f’mument fejn wieħed mis-suġġetti prinċipali li qed jiġu diskussi huwa dak tas-saltna tad-dritt.

Il-Prim Ministru stqarr: “Illum bgħatna messaġġ b’saħħtu ħafna kemm verament nemmnu li pajjiżna jixraqlu saltna tad-dritt robusta, saltna tad-dritt b’saħħitha, kemm aħna verament konvinti minn dawn il-prinċipji bażiċi li għandhom imexxuna ’l quddiem.”

Il-Prim Ministru spjega li wara djalogu miftuħ mal-Oppożizzjoni, ġew identifikati l-kriterji li għandu jokkupa l-Prim Imħallef.

Huwa sostna: “Il-kriterji x’kienu? Jiena fhimt li kellhom ikunu kruċjali biex stajna naslu għal dan il-qbil, li min kellu jokkupa din il-kariga jkun bniedem ta’ integrità u rettezza, serju, onest, bniedem ta’ dixxiplina, bniedem bieżel, bniedem li għandu l-għarfien legali li fuq kollox jirrispetta l-prinċipju tal-umiltà.”

Dr Abela qal li jinsab kburi li kien hemm qbil dwar l-isem li tressaq ’il quddiem mill-Gvern, li jemmen li jissodisfa l-kriterji u jista’ jmexxi s-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna ’l quddiem.

Qal li kien hemm qbil mhux biss dwar l-isem, imma ntweriet rieda tajba wkoll dwar il-metodu tal-ħatra tal-ġudikanti, fost l-oħrajn.

Dan kollu biex tiżdied l-effiċjenza fil-Qrati, temm jgħid Dr Abela.

Il-Prim Ministru Robert Abela kompla jgħid: “Illum bgħatna sinjal b’saħħtu ħafna bla preċedent għalhekk huwa jum storiku għal pajjiżna, nittama li ma jkunx l-ewwel darba li bgħatna dan is-sinjal b’saħħtu imma li jkun hemm mumenti oħrajn f’pajjizna, sinjal oħra b’saħħithom aktar ’il quddiem anki meta wieħed jitkellem dwar karigi importanti, li jkomplu jiddefinixxu dawn il-kriterji li aħna tant nemmnu fihom.”

Intant, il-President George Vella – li jippresedi l-Kummissjoni għar-Riforma Kostituzzjonali – feraħ liż-żewġ naħat u awgura li jintlaħaq qbil fuq deċiżjoniijiet oħra urġenti, speċjalment dawk irrakkomandati mill-Kummissjoni Venezja.

Fi stqarrija rringrazzja liż-żewġ naħat tal-Kamra għax-xogħol u l-koperazzjoni tagħhom biex intlaħaq ftehim.

Aqra wkoll:

Mark Chetcuti se jinħatar Prim Imħallef

Il-President George Vella jinnota bi pjaċir il-ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend