Mark Chetcuti se jinħatar Prim Imħallef – One News

Mark Chetcuti se jinħatar Prim Imħallef


L-Imħallef Mark Chetcuti se jinħatar Prim Imħallef mill-President ta’ Malta hekk kif Joseph Azzopardi se jirtira fit-8 t’April li ġej.

Il-kabinett approva n-nomina ta’ Mark Chetcuti wara li anki kien hemm qbil dwar il-ħatra tiegħu bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Dr Mark Chetcuti għandu 62 sena. Huwa laħaq avukat fl-1982 u dam jipprattika l-liġi għal aktar minn 30 sena. Huwa speċjalizza fil-liġi għall-familja u dik ċivili.

Il-Prim Imħallef il-ġdid kien membru fuq il-bord tal-appelli tar-refuġjati u anke Chairman tal-bord tal-appelli għall-kumpaniji.

Dr Chetcuti laħaq Imħallef f’Lulju tal-2010 mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Lawrence Gonzi.

B’riforma fil-qasam tal-ġustizzja, il-ħatriet fil-ġudikatura qed isiru b’parir bil-miktub li jkun ġej mill-Kumitat għall-ħatriet fil-ġudikatura li hu magħmul mill-Prim Imħallef, l-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u l-President tal-Kamra tal-Avukati.

Intlaħaq ukoll qbil fil-prinċipju dwar emendi maħsuba li jsiru, kemm fil-Kostituzzjoni u wkoll fil-liġijiet ordinarji ta’ pajjiżna, dwar kif għandhom jiġu maħtura ġudikanti ġodda, u dwar kif għandu jiġi maħtur Prim Imħallef eventwali hekk kif Dr Mark Chetcuti jispiċċa minn din il-kariga.

Il-proposti dwar ħatriet eventwali huma dejjem suġġett li dak maqbul jiġi approvat mill-Kummissjoni ta’ Venezja.

Il-Prim Imħallef preżenti Joseph Azzopardi se jirtira hekk kif ix-xahar id-dieħel se jagħlaq 65 sena.

Fi stqarrija l-Gvern irringrazzja lill-Prim Imħallef Dr Joseph Azzopardi għall-kontribut siewi u għad-dedikazzjoni tiegħu lejn il-ġudikatura u lejn l-istat Malti.

Intant il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis wera s-sodisfazzjon tiegħu li fuq il-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid kien hemm qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend