“Din hija sitwazzjoni iebsa ħafna” – Omm tifel bl-awtiżmu – One News

Notifiki

“Din hija sitwazzjoni iebsa ħafna” – Omm tifel bl-awtiżmu


L-għeluq tal-iskejjel minħabba l-imxija tal-Coronavirus affetwat ukoll it-tfal bl-awtiżmu, hekk kif ir-rutina, li hija ferm kruċjali għalihom, inbidlet f’tebqa t’għajn.

Emily Vassallo, omm Zayne, tfajjel ta’ ħames snin li għandu l-awtiżmu, qaltilna li din is-sitwazzjoni kienet qisha sajjetta fil-bnazzi għalihom.

Dan għaliex mhux biss inbidlet ir-rutina ta’ binha, iżda wkoll tagħha, hekk kif kellha tieqaf mix-xogħol u tibqa’ id-dar ma’ Zayne u t-tlett ulieda oħra.

Hija spjegat: “Is-sitwazzjoni iebsa ħafna, għax it-tfal ma tfhemomx malajr, trid ħafna paċenzja tipprova żżomm soda kemm jista’ jkun u ma naqtgħux qalbna, hopefully tgħaddi malajr nispera li tkun ħolma din.”

L-omm qaltilna li lil Zayne qed ituh attenzjoni partikolari. Hija sostniet: “Zayne għandu rutina, kuljum jagħmel l-istess ħaġa. Imur l-iskola, imur it-terapija, jagħmel speech therapy ukoll u filli kellna nieqfu kollox. Issa Zayne qiegħed id-dar u qed nipprovaw nimlew il-ħin kemm jista’ jkun aħna, nagħmlu home-schooling id-dar.”

ONE News iltaqa’ wkoll ma’ Nigel Borg, żagħżugħ ta’ 19-il sena li għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu u li jattendi l-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija.

Huwa stqarr: “It never cause me frustration it was not a big surprise, but on the other hand it was a perfect opportunity to work on the assignments along with the rest of my classmates.”

Omm Nigel, Sandra Borg, li hija waħda minn dawk li tmexxi l-għaqda favur it-tfal bl-awtiżmu, il-Hand in Hand, qaltilna li bdew sistema sabiex b’mod online, dawn it-tfal bl-awtiżmu xorta waħda jibqgħu jitgħallmu.

Sandra qaltilna: “It-tfal qed ikunu ħafna frustrati jiġifieri jkun hemm ħafna behavioural issues li qed naraw u li huma ġodda wkoll li qabel ma konniex narawhom għax huma ma jistewx jesprimu din il-frustrazzjoni li għandhom li jixtiequ joħorġu u ovvjament il-parents jgħejjew għax qed ikunu ħin kontinwu mat-tfal.”

Iż-żewġ familji appellaw lil kull min għandu tfal bil-kundizzjoni tal-awtiżmu sabiex jagħmlulhom kemm jista’ jkun ambjent li jħossuhom komdi fih, u b’hekk għalissa jinsew ir-rutina ta’ qabel u jkomplu jitgħallmu f’darhom stess.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend