19-il każ ġdid ta’ Coronavirus – One News

Notifiki

19-il każ ġdid ta’ Coronavirus

Fl-aħħar sigħat, feġġew 19-il każ ieħor ta’ Coronavirus f’pajjiżna minn fost 627 test, biex it-total ta’ persuni infettati f’Malta tela’ għal 188.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn dawn il-każijiet, 14 ittieħdu bi trażmissjoni lokali, u l-5 l-oħra huma relatati ma’ safar.

L-ewwel każ trażmess lokalment huwa ta’ żagħżugħ Malti ta’ 23 sena li jaħdem il-LIDL ta’ Ħal Safi u li kellu sintomi ħfief fis-sebgħa u għoxrin ta’ Marzu u baqa’ jmur għax-xogħol.

L-awtoritajiet tas-saħħa, bl-għajnuna tal-amministrazzjoni tas-supermarket, identifikaw lin-nies li kienu fl-istess shift miegħu u l-kumplament tal-ħaddiema.

Il-Professur Gauci spjegat li l-LIDL ġie ddiżinfettat u jista’ jerġa’ jiftaħ. Hija spjegat: “L-appell tagħna huwa li jekk ikun hemm xi nies li marru jixtru mill-istabbiliment tal-LIDL ta’ Ħal Safi biss – ma kellna l-ebda każijiet oħra fi stabbilimenti oħra – jekk marru jixtru mis-26 ta’ Marzu sal-bieraħ u jinnutaw li għandhom xi sintomi akuti respiratorji, importanti li jċemplulna fuq il-helpline 111 ħalli nkunu nistgħu nagħmlu assessment tas-sitwazzjoni tagħhom.”

Hekk kif in-numru ta’ każijiet trażmessi lokalment kulma jmur qed jiżdied, l-appell hu biex min iħoss is-sintomi, anki jekk ħfief, ma jmurx għax-xogħol.

Il-Prof. Charmaine Gauci sostniet: “Nerġgħu nfakkru li nies li jkunu ma jifilħux, m’għandhomx imorru għax-xogħol, però tajjeb ukoll li nafu li hemm ħafna postijiet tax-xogħol li qegħdin jikkoperaw ħafna magħna kemm fil-prevenzjoni tal-firxa tal-marda imma anki meta jkun hemm każijiet ikun hemm koperazzjoni sħiħa magħna biex aħna nkunu nistgħu nnaqsu l-firxa.”

Il-każijiet l-oħra li ġew infettati bi trażmissjoni lokali huma mara ta’ 24 sena, mara ta’ 45 sena, mara ta’ 62 sena, Maltija ta’ 56 sena, raġel ta’ 33 sena, raġel ta’ 22 sena, Malti ta’ 64 sena, raġel ta’ 42 sena, Maltija ta’ 20 sena, Malti ta’ 33 sena u barranija li tgħix Malta ta’ 27 sena, u raġel ta’ 47 sena li ħa l-virus mingħand membru fil-familja li rriżulta fil-pożittiv għall-virus fl-aħħar jiem.

Każ ieħor trażmess lokalment huwa ta’ Maltija ta’ 65 sena li kienet rikoverata l-Isptar Mater Dei u rriżultat pożittiv għall-virus.

Il-Professur Gauci spjegat li dan il-każ inqabad bħala parti minn rutina ta’ testijiet li jsiru fuq il-pazjenti l-isptar, uħud minnhom anki bla sintomi.

Hija kompliet tispjega: “Bħalissa qegħdin nagħmlu investigazzjoni fuq il-każ ħalli naraw eżatt meta daħlet il-pazjenta u meta ħarġulha s-sintomi però aħna l-ewwel miżura li ħadna f’dan il-każ hi li lill-pazjenta ndaħħluha mill-ewwel fl-Infectious Diseases Unit ħalli niżolawha.”

Il-każijiet relatati ma’ safar huma Malti ta’ 28 sena li ġie mill-Ingilterra fit-13 ta’ Marzu u qagħad kwarantina, Malti ta’ wieħed u ħamsin sena li beda bis-sintomi ta’ qtugħ ta’ nifs fit-30 ta’ Marzu u kellu kuntatt ma’ raġel barrani li meta mar lura pajjiżu ġie kkonfermat pożittiv għall-Coronavirusw, raġel ta’ 62 sena li kellu kuntatt ma’ każ ieħor relatat mas-safar, raġel ta’ 19-il sena li ġie minn Franza fid-19 ta’ Marzu u kien fi kwarantina, u Malti ta’ 32 sena li ħa l-virus mingħand xi ħadd li rriżulta fil-pożittiv wara li ġie mis-safar.

Il-persuni li rriżultaw fil-pożittiv fl-aħħar sigħat huma kollha fi stat tajjeb ta’ saħħa. Il-Professur Gauci fakkret li għad hemm żewġ persuni fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei fosthom l-anzjan ta’ 72 sena li għadu intubat u qiegħed f’qagħda kritika.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend