ARA: Il-Girl Guides xorta qed ikunu viċin minkejja li huma ‘l bogħod – One News

Notifiki

ARA: Il-Girl Guides xorta qed ikunu viċin minkejja li huma ‘l bogħod

Mill-ħażin trid tara kif tieħu t-tajjeb, u dak li qed jagħmlu l-Malta Girl Guides. Il-pandemija tal-Coronavirus sakkret diversi nies fi djarhom, bil-kuntatt fiżiku jkun limitat, iżda, t-teknoloġija tipermetti biex ma jinqatax il-kuntatt u saħħansitra tqarreb lin-nies viċin ta’ xulxin mingħajr ir-riskju li jinfirex il-virus.

Claire Duff, il-Kap tal-Malta Girl Guides, spjegat kif il-membri ħarġu b’kunċett kreattiv f’dan iż-żmien ta’ sfida.

Duff spjegat: “Minn hawnhekk ħarġet l-idea li nagħmlu dawn it-tip ta’ sfidi għat-tfal tagħna biex xorta nżommu dak il-kuntatt fuq is-social media u minn hemmhekk bdew joħorġu l-ideat ta’ x’nistgħu nagħmlu u l-ewwel sfida ħareġt nhar il-Ħadd fejn it-tfal jibdew jagħmlu l-Coronavirus bl-affarijiet li jsibu d-dar biex kemm jista’ jkun nipprovmotjaw ukoll li n-nies ma joħorġux mid-dar.”

Dawn l-isfidi ntlaqgħu tajjeb mhux biss f’Malta imma anki f’pajjiżi oħra fejn irreġistraw għal dawn l-isfidi mijiet ta’ persuni minn madwar id-dinja.

L-isfidi qed isiru minn tfal li qegħdin id-dar bl-għajuna tal-ġenituri tagħhom, fejn imbagħad itellgħu filmati jew ritratti ta’ dak li jkunu għamlu fuq il-mezzi soċjali.

Hija sostniet: “Iċ-challenge huwa biss qisu t-tomgħa żgħira ta’ x’inhu l-guiding għalina, jiġifieri aħna nagħmlu l-forma ta’ familja kbira ta’ tfajliet u tfal żgħar u jekk xi ħadd jogħġbu dan il-kunċett ovvjament aħna merħba b’kulħadd kemm tfal u kemm adulti bħala voluntiera.”

Kull min hu interessat li jissieħeb ma’ din is-soċjetà, li l-għan tagħha hu li trawwem ħiliet fil-bniet u tfajliet biex ikunu ċittadini attivi u responsabbli fis-soċjetà, jista’ jibgħat messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook Malta Girl Guides.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend