“Illum qed ngħixu l-ħelsien f’kuntest differenti” – il-PM Robert Abela – One News

Notifiki

“Illum qed ngħixu l-ħelsien f’kuntest differenti” – il-PM Robert Abela

Bħalma wieħed u erbgħin sena ilu, il-poplu Malti u Għawdxi qam għall-okkażjoni u ġab l-aħna qabel il-jiena, hekk ukoll illum qed jissielet biex jikseb il-ħelsien mill-pandemija tal-coronavirus ħalli wkoll joħroġ rebbieħ bħala poplu wieħed, magħqud u solidali.

F’messaġġ fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien, il-Prim Ministru Robert Abela spjega r-relevanza tal-Ħelsien aktar minn erbgħin sena wara, u kif il-poplu qed jgħix l-istess esperjenza f’kuntest differenti.

“In-nies iċċelebraw minkejja li kien hemm min kien se jispiċċa bla impjieg. Mhux faċli tagħmilha. Imma missirijietna fehmu li pajjiżna kellu jitlaq jiġri ’l quddiem, meħlus mill-ktajjen tal-passat. Dak li kiseb il-poplu Malti u Għawdxi, xprunat mill-Perit Duminku Mintoff, seħħ wara snin twal ta’ sagrifiċċju. Fuq kollox dak li nkiseb, kien possibbli għax il-poplu Malti u Għawdxi emmen fih innifsu, u ma qatax qalbu.”

Il-Prim Ministru qal li dan huwa l-mument meta l-poplu jrid jagħti prijorità lill-valuri tal-onestà, l-integrità, l-għożża tal-familja, l-irġulija u l-altruwiżmu.

Saħaq li dan mhux mument tal-firda u l-kuluri, u f’dan iż-żmien ta’ prova rridu nibqgħu magħqudin aktar minn qatt qabel.

“Dan huwa l-ħelsien modern li bħalissa qed nissieltu għalih. Il-ħelsien minn pandemija li malli niksbuh, inkunu nistgħu nkomplu niksbu, inwettqu u noħolmu aktar għal pajjiżna. Rebħa li għad trid tiġi mfakkra bħala rebħa kbira ta’ poplu Malti u Għawdxi wieħed, magħqud u solidali.”

Dr. Abela qal li minn dan il-mument irridu noħolqu pedament sod ta’ futur isbaħ għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.

“Ejja nagħmlu kuraġġ. Jien għandi kuraġġ kbir għax nemmen bis-sħiħ fil-poplu tagħna. Konvint li minn dan il-mument ta’ sagrifiċċju kollettiv se noħorġu rebbieħa. Inrodd ħajt lil kull min ġenwinament qed jaħdem biex negħlbu l-isfidi. Ebda grazzi ma hi biżżejjed għal dak kollu li qegħdin tagħmlu f’dan il-mument. Il-pajjiż grat lejkom. Kemm jien kburi bil-poplu Malti u Għawdxi kollu.”

Intant it-Tnejn filgħaxija fuq l-għolja tal-ħelsien, il-Prim Ministru u mexxej Laburista xegħel l-urna permezz tat-torċa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend