Mument li ddefinixxa l-għaqda u l-valuri tal-poplu Malti  – One News

Notifiki

Mument li ddefinixxa l-għaqda u l-valuri tal-poplu Malti 

Dan hu mument li ddefinixxa l-għaqda u l-valuri tal-poplu Malti. Huwa l-mument li nadattaw biex noħolqu dinja aħjar li tista’ tkun aqwa minn dik li konna fiha ftit tal-ġimgħat ilu.

B’dawn il-kliem ta’ kuraġġ il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela nnota li dan iż-żmien ta’ sfida reġa’ fakkarna f’dawk il-valuri l-aktar importanti f’ħajjitna, fosthom is-saħħa.

“Dan il-mument wera kemm kulħadd huwa ndaqs. Mhux kwistjoni ta’ kemm għandek flus, kwistjoni ta’ kemm għandek saħħa u familja tappoġġjak, kemm int fuq kollox tħares lil ħaddieħor u tibża għal ħaddieħor, kemm int taħseb f’ħaddieħor qabel fik innifsek. Valuri sbieħ li reġgħu ħadu l-ordni tal-prijorità li suppost kienu fiha.”

Hawnhekk il-Prim Ministru Abela għamilha ċara li lockdown totali hija l-aktar ħaġa li ma jixtieqx isseħħ f’pajjiżna u li dan huwa żmien ta’ sagrifiċċju għalina lkoll.

Spjega li jekk kulħadd jobdi r-regolamenti tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u ma joħorġux ħlief għal bżonn, dan iż-żmien ta’ sfida ma jdumx ħafna ma jgħaddi, u nerġgħu nibdew ingawdu l-ħajja li kellna sa ftit tal-ġimgħat ilu.

“U jekk mhux se nobdu regolamenti llum se nissguraw li fis-sajf ikollna r-restrizzjonijiet. Nobdu llum u ngawdu s-sajf. Ma nobdux illum, ma ngawdux sajf. Daqstant hija sempliċi s-sitwazzjoni.”

Tbatija prinċipali u sitwazzjoni ta’ qsim il-qalb għal ħafna, hija n-nuqqas ta’ komunikazzjoni fiżika mal-anzjani u nies meqjusa vulnerabbli li minħabba miżuri ta’ prekawzjoni li kellhom jittieħdu issa qed qed ibatu s-solitudni.

“Ejja nagħmluhom biex dan il-mument jgħaddi kemm jista’ jkun malajr. Anke dawk li jmorru x-xogħol u jgħixu ma persuni ta’ aktar minn 35, fir-residenza żommu d-distanza.”

Il-Prim Ministru tenna wkoll li minkejja kollox jemmen li f’dan iż-żmien aħna skoprejna realtajiet sempliċi li jagħtu pjaċir, bħal aktar ħin ġewwa u ikliet zghar mal-familja d-dar. Għalhekk, temm b’messaġġ ċar u ta’ kuraġġ, biex wieħed jadatta ma jdumx.

“Dan hu mument li nadattaw. Jerġa’ jiġi l-mument li mmorru lura għal dinja ftit differenti imma forsi ftit aħjar ukoll.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend