“Bis-sagrifiċċji li qegħdin nagħmlu sejrin tajjeb ħafna fil-mod kif qed nikkontrollaw l-imxija tal-Coronavirus”- il-PM – One News

Notifiki

“Bis-sagrifiċċji li qegħdin nagħmlu sejrin tajjeb ħafna fil-mod kif qed nikkontrollaw l-imxija tal-Coronavirus”- il-PM

Pajjiżna huwa mudell ta’ kif qed jilqa’ għas-sitwazzjoni tal-Coronavirus, tant li wieħed għandu jħares lejh għal kif għandha tiġi kkontrollata l-pandemija.

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta f’intervista fuq l-istazzjonijiet ONE il-Ħadd filgħodu, spjega kif il-gvern mexa b’prudenza u ma ħabbarx miżuri estremi mill-bidu. Iżda minkejja li r-riżultati sal-lum jagħtu ċertifikat tal-mod tajjeb li bih mexa l-Gvern, kollox jiddependi mill-ubbidjenza tan-nies.

“Jekk in-nies jobdu u jibqgħu jobdu, hemmhekk ikollna riżultati tajbin ħafna, billi l-famuża curve tar-rata t-trażmissjoni ma titlax f’daqqa imma tinżam kostanti biex ma titlax f’daqqa għaliex hemmhekk l-awtoritajiet tas-saħħa ma jlaħħqux mal-każijiet, allura żżommha waħda baxxa.”

Il-Mexxej Laburista qal li dan huwa Gvern ta’ ruħ soċjali  li meta fassal il-pakkett ta’ stimolu ekonomiku, mexa fuq il-prinċipji li jsawruh billi ffoka fuq kategorija ta’ persuni li jistgħu l-inqas – dawk fuq il-paga minima.

“Hija xi ħaġa bla preċedent f’pajjiżna, li l-Gvern se jħallas is-salarju kollu li kellhom dawn in-nies b’żieda ta’ 3% fuqhom. Hija xi ħaġa li verament toħroġ ir-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern.”

L-għajnuna finanzjarja mħabbra mill-Gvern din il-ġimgħa tlaħħaq is-€70 miljun fix-xahar. Dan huwa għaxar darbiet aktar minn kemm kien ta l-Partit Nazzjonalista fi żmien il-kriżi ekonomika fl-2009.

“Se jkun hemm kategorija ġdida ta’ nies ta’ persuni identifikati bħala vulernabbli għax għandhom kundizzjonijiet kroniċi fosthom diabete, li aħna qed ngħidulhom biex joqħodu d-dar, tmorrux ix-xogħol, u talli toqgħodu d-dar il-gvern se jiggarantixxi €800 oħra fix-xahar.”

B’dan il-pakkett ta’ miżuri, intlaqtu 110,000 ħaddiem – għall-kuntrarju ta’ x’qed tgħid l-Oppożizzjoni li anke f’dan iż-żmien delikat qed tqajjem argumenti pariġġjani.

“Huma miżuri li huma costed, li jien naf mill-pariri ekonomiċi li mhux se jżarmaw il-war chest li għandna biex niġġieldu din il-battalja f’daqqa. Nifhem ukoll li dak irid iservina f’każ li l-pandemija ddum aktar milli wieħed jixtieq.”

Spjega kif din il-ġimgħa biss il-Kabinett tlaqqa’ tliet darbiet biex il-miżuri mħabbra jkunu riveduti skont reazzjonijiet u diffikultajiet differenti, biex eventwalment ġie abbozzat l-avviż legali. Dan kollu jsir biex jinħolqu miżuri li ma jsakkru l-ħadd ġewwa iżda jnaqqsu l-kuntatt bejn il-persuni.

“Dan hu l-mod kif qed naħdmu. Inniedu idea ġenerali tal-miżuri, nisigmħu lin-nies, ġurnata jew jumejn wara noħorġu l-avviż legali. Huwa mudell li ħadem. Kellna x-xorti li l-Ħamis smajna dak li qalu n-nies li tawna reazzjonijiet prattiċi.”

Fuq kollox saħaq li l-Gvern mhux se jieqaf hawn jew ikun xħiħ mal-ħaddiema Maltin.

“Se nkunu aktar ġenerużi, se nniedu aktar skema ta’ għajnuna finanzjarja biex niżguraw li n-negozji jibqgħu ħajjin biex fil-mument li nisparaw il-pistola dawn jaħarbu ‘l quddiem. Għandi fiduċja sħiħa fin-negozji tagħna u fil-ħaddiema u fir-reżiljenza tagħhom. Fuq kollox ottimist li minn dal-mument se noħorġu aktar b’saħħitna milli bdejna.”

Spjega kif f’Għawdex ukoll għaddejjin preparamenti intensivi fejn fost l-oħrajn żdied in-numru ta’ sodod fl-ITU. Minkejja li n-numri f’Għawdex huma baxxi ferm, il-Prim Ministru qal li se jibqa’ kawt, u ħeġġeġ biex l-Għawdxin isegwu l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-Prim Ministru Abela temm jisħaq kif id-deċiżjonijiet qed jittieħdu kull minuta u dan juri kemm il-Gvern huwa kapaċi jmexxi.

“Kull minuta qed nieħu d-deċiżjonijiet. Inġibuhomx kollha tajbin jew perfetti le imma qed nagħmlu żgur l-aħjar li nistgħu u r-riżultati qed juru kemm aħna gvern li kapaċi mmexxu. Mexxejna fil-mument tal-ġid u ħloqna l-ġid, mexxejna f’dal-mument ta’ kriżi u ngħidha b’sens ta’ kburija li aħna gvern li kapaċi jmexxi l-pajjiż f’kull ċirkostanza.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend