Adrian Delia mhu kuntent b’xejn – One News

Notifiki

Adrian Delia mhu kuntent b’xejn


Filwaqt li l-Gvern ħabbar pakkett ta’ miżuri ta’ sebgħin miljun ewro fix-xahar biex tabilħaqq jgħin lin-negozji u lill-ħaddiema, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara li l-Gvern ma jridx jaħli flus.

F’konferenza tal-aħbarijiet oħra li sejjaħ, Delia maqdar il-miżuri mħabbra mill-Gvern.

Huwa stqarr: “Minkejja dan kollu, ħa l-pożizzjoni li ma rridux aħna naħlu, narmu dak li ġemmajna. ma rridux nisparpaljaw il-flus.”

Iżda diversi ekonomisti li tkellmu fl-aħħar jiem b’reazzjoni għal dak li ħabbar il-Gvern, kollha qablu li l-miżuri tal-Gvern, filwaqt li offrew għajnuna tajba lin-negozji u l-ħaddiema, ħadu ħsieb li l-warchest li nbniet fl-aħħar snin ma nħarqitx mill-ewwel.

Ma’ dawn qablu wkoll l-imsieħba soċjali li laqgħu b’mod tajjeb ħafna l-miżuri tal-Gvern li se jkunu ta’ spalla għalihom f’dan iż-żmien ta’ sfida.

Fost oħrajn, bil-miżuri mħabbra mill-Gvern dawk bil-paga minima issa qegħdin jirċievu paga ogħla milli kienu jieħdu qabel.

Dan filwaqt li l-Gvern se jkun qed jonfoq €44 miljun fix-xahar f’għajnuniet lil 60,000 ħaddiem minn oqsma milquta minħabba t-tixrid tal-Coronavirus.

Barra minn hekk 50,000 ħaddiem ieħor fosthom fil-manifattura u l-ħwienet se jibbenefikaw minn għajnuna ta’ 15-il miljun ewro bejniethom billi l-Gvern iħallas l-ekwivalenti ta’ ġurnata paga li tista’ titla’ għal jumejn.

Intant meta komplejna nistaqsu lill-Kap Nazzjonalista, huwa deher skomdu.

Minflok stieden lill-ġurnalist ta’ ONE News sabiex jiġi intervistat fuq dan l-istazzjon.

Delia sostna: “Fuq is-super 1 forsi tgħid lill-Prim Ministru bil-qalb kollha nistgħu nagħmlu anke session jekk trid, ta?”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend