Robert Arrigo jagħmel u-turn u jgħid li se jibqa’ Viċi Kap tal-PN – One News

Notifiki

Robert Arrigo jagħmel u-turn u jgħid li se jibqa’ Viċi Kap tal-PN


Robert Arrigo se jibqa’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Ikkuntatjat mit-Times, Arrigo spjega, “Mhux se nabbanduna l-vapur. Mhux se nħalli l-kap tiegħi issa”.

Huwa qal li ddeċieda li jibqa’ wara li ra l-effetti tal-Coronavirus.

Xahar ilu, Arrigo kien ħabbar li kien se jirriżenja fi sfond ta’ kriżi u ġlied li ma jrid jieqaf qatt fil-Partit Nazzjonalista.

Arrigo kellu jirriżenja minn Viċi Kap jumejn oħra u kien mat-Times li ħabbar il-u-turn.

Fil-fatt meta kien qal li se jirriżenja, Arrigo kien qal li ma xtaqx li jkun kelliem għal xi qasam f’isem l-Oppożizzjoni.

F’ittra ta’ riżenja li kien kiteb u ppubblikaha, Robert Arrigo akkuża lid-deputati mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil li biex ikeċċu lil Adrian Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista spiċċaw farrku Partit.

Meta ħabbar ir-riżenja tiegħu Arrigo kien tkellem dwar il-bsaten fir-roti li sarulu kemm dam fil-kariga minn deputati li kienu saħansitra qalulu biex jitlaq mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

Arrigo kien qal li minkejja l-ostakli li sab mill-grupp parlamentari, irnexxielu jiġbor biżżejjed għall-operat tal-Partit u s-salarji tal-ħaddiema fl-istamperija.

Arrigo kien saħansitra akkuża lid-deputati Nazzjonalisti li bl-azzjonijiet tagħhom kissru dak kollu marbut mad-dħul biex ikunu sostnuti l-pagi tal-ħaddiema tal-istamperija.

“Issa konvint li se tassumu din ir-responsabbiltà u se taraw kif sa mill-1 ta’ April, bil-proposta ta’ crowdfunding ta’ deputat, dawn il-persuni ta’ talent se jiġbru żew miljun ewro fis-sena li hemm bżonn”, kien kiteb Arrigo li issa ġie rappurtat jgħid li reġa’ darlu.

Intant Arrigo mhux biss baqa’ Viċi Kap imma wara li fl-aħħar xhur il-Partit Nazzonalista baqa’ jsibha diffiċli biex jimla’ l-kariga ta’ teżorier tal-Partit, Arrigo spiċċa appuntat teżorier tal-partit li għadu f’qagħda finanzjarja mwergħa.

Arrigo ħa post Antoine Zammit li dam kaxxier tal-Partit Nazzjonalista mill-Milied sa Stiefnu.

Fil-fatt Zammit irriżenja biss wara xahar hekk kif ONE News kixef kif dan kien tella’ filmati fuq youtube, jilmenta li l-kaxxa li tipprovdi xandir illegali ta’ eluf kbar ta’ stazzjonijiet waqfet turi l-films pornografiċi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend