Ċempel 1772 jekk tħossok waħdek – One News

Notifiki

Ċempel 1772 jekk tħossok waħdek


Ċempel 1772 jekk qed tħossok waħdek, iżolat jew sempliċiment tixtieq tgħid kelma. Il-Gvern nieda helpline ġdid kontra s-solitudni li forsi f’dan il-perjodu taż-żmien li għaddejjin minnu jkun hawn min iħossu waħdu jew sempliċiment jixtieq jibqa’ f’kuntatt ma’ xi ħadd.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet virtwali, l-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis niedu din il-linja ta’ wens li se tinfetaħ fis-sigħat bikrin tas-Sibt.

Il-helpline se jkun miftuħ 24 siegħa kuljum mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS. Numru ta’ professjonisti se jkunu fuq in-naħa l-oħra tat-telefonata jisimgħu u jagħtu pariri lil dawk li jħossuhom waħdihom anki f’dan iż-żmien ta’ sfida minħabba l-imxija tal-Coronavirus.

Il-Ministru Michael Falzon sostna li l-Gvern hu konxju li minbarra problemi b’rabta ma’ saħħa fiżika, se niltaqgħu wkoll ma’ sfidi mentali bħal anzjetà u dipressjoni.

Huwa spjega: “Dan huwa servizz fejn noffru kumpanija lin-nies, fejn verament nuru li aħna Ministru u Gvern li kapaċi nagħmlu r-reaching out lin-nies hemm barra u ngħinu fejn nistgħu.”

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis appella lil dawk l-aktar vulnerabbli biex ikomplu jirrikorru għal kull tip ta’ għajnuna.

Huwa sostna: “Ejja flimkien ħa napprezzawha, però flimkien se noħorġu minn din l-isfida. Dawn il-miżuri kollha li qegħdin nagħmlu, qegħdin nagħmlu biex noħorġu minnha.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti u t-Terapista tal-Familja Charles Azzopardi li jmexxu l-Istitut għat-Terapija tal-Familja f’Malta, saħqu li dan hu servizz psikoloġiku li qed jingħata biex tinżamm is-saħħa mentali f’dawn il-mumenti.

L-għan aħħari hu li kemm jista’ jkun ħadd ma jbati mis-solitudni, li hija pjaga soċjali anki mhux waqt dawn iż-żminijiet fejn il-virus fired minn xulxin bosta nies.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *