AĠĠORNAT: Il-FAM salvat tliet baħrin minn vapur li nqasam fil-maltemp – One News

AĠĠORNAT: Il-FAM salvat tliet baħrin minn vapur li nqasam fil-maltemp

Tliet baħrin ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta tlettax-il mil nawtiku l’barra minn Malta wara li bastiment irreġistrat it-Togo inqasam hekk kif beda dieħel l-ilma.

Is-sejħa għall-għajnuna għand il-Forzi Armati ta’ Malta daħlet ftit wara d-disgħa u nofs tal-Erbgħa filgħaxija hekk kif it-tanker Lady Sandra kien fil-grigal ta’ Malta.

Il-Forzi Armati skattat b’operazzjoni delikata ta’ salvataġġ f’baħar jibla’ l-art tant li l-mewġ beda jlaħħaq il-ħames metri.

Fil-fatt l-armata qalet li l-kundizzjonijiet kienu mill-aktar perikolużi u ta’ sogru għal ħaddiema tas-salvataġġ tal-armata.

Ir-riħ fil-baħar kien saħansitra b’qawwa ta’ forza tmienja għal disgħa.

L-operazzjoni ta’ salvataġġ saret permezz tal-patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta Melita 1 u helikopter.

It-tliet baħrin salvati kienu żewġ Eġizzjani u Rumen.

Dawn il-persuni flimkien mal-membri l-oħra tal-ekwipaġġ iddaħħlu f’Xatt it-Tiben.

Fortunatament, ħadd ma kien jeħtieġ jiddaħħal l-isptar.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri irringrazzja lill-ħaddiema tal-Forzi Armati ta’ Malta li wettqu operazzjoni biex jissalvaw il-ħajjiet b’mod differenti mis-soltu.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend