Raġel jinsab fil-periklu tal-mewt wara li weġġa’ f’inċident tat-traffiku fi Triq tal-Barrani, fiż-Żejtun. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6:45 ta’ filgħodu.
Minn stħarriġ preliminari mill-pulizija jidher li r-raġel, li hu mill-Gambja, intlaqat minn vann li telaq minn fuq il-post sakemm waslet il-Pulizija.
Il-vittma ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ambulanza ħaditu l-isptar Mater Dei u iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Intant waqt li bdiet tfittxija għall-karozza involuta fl-inċident, raġel Taljan ta’ 49 sena residenti Marsaskala daħal fl-Għassa taż-Żejtun jirrapporta li kien laqat persuna.
Il-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.