“Miżuri li jagħtu ċertezza f’mument ta’ inċertezza” – L-ekonomista Philip Von Brockdorff – One News

“Miżuri li jagħtu ċertezza f’mument ta’ inċertezza” – L-ekonomista Philip Von Brockdorff

L-għajnuna li qed joffri l-Gvern lill-familji u n-negozji milquta mill-coronavirus, tagħti ċertezza f’mument ta’ inċertezza.

Kliem l-ekonomista Dr. Philip Von Brockdorff, li ma’ ONE News tkellem dwar il-benefiċċji sostenibbli tal-pakkett ta’ miżuri li offra l-Gvern fl-aħħar jiem biex iwieżen lin-negozji u l-ħaddiema tagħhom.

Dawk il-ħaddiema u s-self-employed milquta, hekk almenu jkollhom riżorsi finanzjarji, dħul għaddej, għax fil-fatt issa n-negozu f’setturi bħat-turiżmu u l-catering waqaf kompletament, allura dik l-għajnuna finanzjarja, dawn l-individwi li jgħoddu għal eluf, ikunu jistgħu almenu jkomplu b’ċertu konsum li hu importanti biex ovvjament l-ekonomija tibqa’ għaddejja.” Spjega l-ekonomista.

L-ekonomista spjega li dan il-pakkett ta’ għajnuna se jagħti nifs lill-ekonomija f’mument straordinarju, u seta jingħata għaliex il-Gvern ħadem b’għaqal tul is-snin.

Hu saħaq, “Hemm il-fatt ukoll li l-għajnuna issa tagħti almenu ċertu ċertezza f’mument ta’ inċertezza u naħseb dak ukoll għandu jgħin biex ngħaddu minn dal-mument, mument straordinarju ta’ kriżi, b’inqas skossi possibbli. Skossi se jkun hemm, u xi ftit telf ta’ impjiegi jkun hemm ukoll imma b’din l-għajnuna nevitaw li jkollna eluf ta’ impjiegi mitlufin.”

Meta qabbel is-sitwazzjoni ta’ Malta ma’ pajjiżi oħra bħall-Italja – li għandu defiċit u dejn kbir, innota li s-surplus li rreġistra pajjiżna fl-aħħar snin, għen biex qed jiġu mgħejjuna l-familji u n-negozji f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji.

Minn issa rridu nħarsu ’l quddiem. Xi jrid isir biex l-ekonomija terġa’ lura, mhux neċessarjament bħal li kienet eżatt għax diffiċli, però almenu tirpillja u terġa’ tkun ekonomija b’saħħitha.” Ikkonkluda jgħid.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend