Mis-Sibt li ġej lockdown għal 118,000 persuna fosthom anzjani 65+ – One News

Notifiki

Mis-Sibt li ġej lockdown għal 118,000 persuna fosthom anzjani 65+

Mija u tmintax-il elf persuna meqjusa vulnerabbli, fosthom persuni li għandhom ‘il fuq minn ħamsa u sittin sena, nisa tqal u persuni oħra b’kundizzjonijiet kroniċi qed jiġu ordnati biex jibqgħu fi djarhom minħabba t-tixrid tal-virus COVID-19.

Dawn jistgħu joħorġu biss f’każ ta’ sptar jew xi emerġenza.

F’konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li dawn il-miżuri ta’ protezzjoni għal dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna se jidħlu fis-seħħ minn nhar is-Sibt li ġej.

Id-deputat Prim Ministru qal, “Dawn il-persuna kollha ħa jkunu qegħdin jirċievu ittra mingħand it-tabib ewlieni tal-Gvern fis-sigħat u fil-jumejn li ġejjin biex jinfurmawhom individwalment li qegħdin f’din il-kategorija. Mela dawk il-persuni dijabetiċi li qegħdin fuq l-insulina, dawk il-persuni kollha li qegħdin jieħdu l-biologicals, dawk il-persuni kollha illi qegħdin jissiltu jew li għaddew mill-cancer u kienu fuq il-kimoterapija, f’dawn l-aħħar sitt xhur. Dawk il-persuna kollha li għandhom immunosuppression bħalma huma persuni li kellhom transplant, persuni li għandhom HIV u oħrajn. Dawk il-persuni kollha li qegħdin fuq dialysis, in-nisa illi huma tqal kollha. Dawn kollha li jaqgħu f’din il-kategorija ta’ nies li qegħdin nitkellmu dwarhom illi huma l-iżjed vulnerabbli għall-marda tal-Coronavirus. Dawk il-persuni li għandhom mard respiratorju li kien sever biżżejjed biex f’din l-aħħar sena kellhom jidħlu għall-kura fl-isptar. Dawk il-persuni kollha li kellhom mard tal-qalb li kellhom bżonn intervent kirurġiku f’dawn l-aħħar sitt xhur. Dawk il-persuni kollha illi jattendu l-heart failure clinic u dawk il-persuni kollha illi qegħdin fuq oral steroids.”

Chris Fearne spjega li dawk il-persuni li jinsabu fid-dinja tax-xogħol qed jintalbu ma jmorrux għax-xogħol u se jingħataw leave apposta ta’ kwarantina.

Dan apparti li dawk li jgħoddu t-tlieta u sittin sena u m’għandhomx il-kundizzjonijiet imsemmija qed ikun rakkomandat li wkoll jibqgħu fi djarhom.

Id-Deputat Prim Ministru qal li l-qraba ta’ dawn il-persuni milquta b’lockdown jew iridu joqgħodu ġewwa magħhom jew inkella jmorru jgħixu f’residenza oħra.

Iġifieri jekk inti tgħix ma’ persuna vulnerabbli għandek żewġ options, jew mil-lum sa nhar is-Sibt issib residenza alternattiva biex tkun tista’ toħroġ u tidħol jew jekk inti ħa tkun tgħix fl-istess dar ma’ persuni vulnerabbli trid tibqa’ magħha. Imbagħad hawn persuni vulnerabbli illi għandhom bżonn min imur jarahom ta’ kuljum. F’dawk il-każijiet l-iżjed ħaġa faċli tkun li l-persuna li tmur tarahom litteralment tibqa’ fid-dar mal-persuna anzjana u mbagħad allura tiġi iva taħt l-istess kundizzjonijiet li qegħdin ngħidu llum.” Kompla jgħid il-Ministru għas-Saħħa.

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li b’effett immedjat ġemgħat ta’ iktar minn ħames persuni se jiġu mferxxa mill-Pulizija u jrid ikun hemm distanza ta’ minn tal-inqas żewġ metri bejn il-persuni.

Spjega Chris Fearne, “Qegħdin nagħmluha b’liġi illi s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ser tkun qed tiddelega l-awtorità tagħha lill-pulizija biex fejn ikun hemm ġemgħat fil-pubbliku ta’ aktar minn ħames persuni, il-pulizija tferrixhom b’tali mod illi jrid ikun hemm minn tal-inqas distanza ta’ żewġ metri bejn il-persuni konċernati.”

Id-deputat Prim Ministru qal li dawn il-miżuri qegħdin jittieħdu biex jiġi evitat ħruġ bla bżonn.

Saħaq li dawk permessi li jistgħu joħorġu għandhom jagħmlu dan għall-ħtiġijiet ta’ kuljum jew għal xi eżerċizzju ħafif ‘il bogħod minn persuni oħra.

Intant il-Ministru għas-saħħa qal li hemm pjanijiet biex l-isptar li se jinbena fi tmien ġimgħat b’materjal pre-fabbrikat isir f’parkeġġ viċin il-bini tal-isptar Mater Dei.

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex se jkun hemm mija u għoxrin sodda għall-pazjenti tal-Coronavirus.

Filwaqt li fit-taqsima tal-kura intensiva f’Għawdex, is-sodod se jiżdiedu minn tnejn għal għoxrin.

Id-Deputat Prim Ministru reġa’ aċċenna għal ħidmet l-awtoritajiet li qed jagħmlu dak kollu possibbli biex il-pandemija ttawwal u b’hekk is-servizzi tas-saħħa jkunu jistgħu jlaħħqu mal-pazjenti li jkunu jeħtieġu l-kura fl-isptarijiet tagħna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend