Il-Klikka, Gizelle u s-Salib tal-Fidda lura fuq ONE min-nhar it-Tnejn! – One News

Il-Klikka, Gizelle u s-Salib tal-Fidda lura fuq ONE min-nhar it-Tnejn!

Min-nhar it-Tnejn li ġej, l-istazzjon ONE se jkun qiegħed jibda skeda ġdida ta’ xandir. L-iskeda hija mfassla wkoll biex tagħti wens lill-familji Maltin u Għawdxin kollha f’dan iż-żmien ta’ sfida.

Iċ-chairman eżekuttiv ta’ ONE, Jason Micallef spjega li fost oħrajn, dan l-istazzjon se jkun qed ixandar mill-ġdid fost l-aqwa drama lokali tal-aħħar 25 sena.

“Mill-ġimgħa d-dieħla u matul ix-xhur ta’ Mejju u Ġunju ONE ħa jkun qed ixandar xejn anqas minn 120 siegħa ta’ drama lokali, l-aqwa drama lokali, uħud minnhom klassiċi fl-aħħar 25 sena. Drama bħal Wenzu u Rożi, il-Klikka, Gizelle, Klassi Għalina, is-Salib tal-Fidda u tant u tant oħrajn. Se jibdew kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-1pm u l-4pm.” Qal Micallef.

Minbarra dan u minkejja d-diversi sfidi, dan l-istazzjon se jxandar ukoll produzzjonijiet ġodda.

Fil-fatt minn nhar it-Tnejn se jirritorna għal staġun ieħor il-programm Liqourish, b’avventura ġdida.

Micallef spjega “Kien faċli ħafna li ngħidu li din is-sena Liquorish inqabeż. Insistejna, għamilna sagrifiċċju kbir u se jkun qed jixxandar biex iżomm kumpanija lit-telespettaturi Maltin u Għawdxin li bħalissa kollha jew fil-maġġorparti tagħhom ikunu qed jistennew ħafna kumpanija għall-familja kollha fuq l-istazzjonijiet lokali.”

Jason Micallef semma wkoll li ONE se jxandar ukoll il-verżjoni oriġinali tar-rock opera Ġensna, li kienet saret f’ Ħaġar Qim fl-1984.

Dan filwaqt li fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien ONE se jkun qed juri dokumentarju ġdid dwar din il-kisba storika.

ONE se jkun qed iżomm ukoll l-appuntamenti tiegħu permezz tal-kamra tal-aħbarijiet kif ukoll ixandar konferenzi tal-aħbarijiet mill-awtoritajiet tas-saħħa u l-Gvern b’rabta mal-imxija tal-Coronavirus.

Is-Sur Micallef innota li dan qed jirrikjedi impenn straordinarju mill-ħaddiema ta’ ONE.

“Ir-ringrazzjament tiegħi minn qiegħ qalbi lill-ħaddiema kollha tal-istazzjonijiet ONE, tar-radju u tat-televiżjoni. Dawn huma żminijiet diffiċli għalina u għall-familji kollha tagħna li qegħdin isegwuna hemm barra. Madanakollu hemm obbligu li nżommu din il-kumpanija tagħna lit-telespettaturi, il-ħalfa li għamilna ‘l fuq minn 25 sena ilu li dawn l-istazzjonijiet se jkunu hemm fiż-żminijet sbieħ u fi żminijiet anqas sbieħ.” Ikkonkluda jgħid Micallef.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend