Ħames każijiet ġodda tal-Coronavirus f’pajjiżna – One News

Ħames każijiet ġodda tal-Coronavirus f’pajjiżna

Fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa, feġġew ħames każijiet ġodda ta’ coronavirus f’pajjiżna.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, spjegat li issa hawn 134-il każ pożittiv f’Malta.

Dwar il-ħames każijiet ġodda, il-Professur Gauci qalet li tlieta minnhom huma impurtati minn barra l-pajjiż, u tnejn minn trażmissjoni lokali.

Il-każijiet tas-safar huma ta’ tfajla Griega ta’ 28 sena li tgħix Malta u kienet Ċipru, raġel Malti ta’ 60 sena li kien l-Ingilterra, u mara Maltija ta’ 60 sena li taħdem fil-qasam tas-saħħa u li kienet l-Ingilterra. Din tal-aħħar iddaħħlet l-isptar minħabba kundizzjoni medika oħra imma jiem wara bdiet bis-sintomi u sarilha test li rriżulta fil-pożittiv.

Il-każijiet ta’ trażmissjoni lokali huma raġel Malti ta’ 23 sena li huwa membru fil-familja ta’ każ ieħor li kien diġà pożittiv u li ma kienx relatat ma’ safar, u mara Maltija ta’ 26 sena li bdiet bis-sintomi fl-20 ta’ Marzu. Din tal-aħħar kienet fuq il-post tax-xogħol u l-awtoritajiet tas-saħħa qed jidentifikaw il-kollegi tagħha.

Sa issa saru 4,230 swab, u l-fatt li żdiedet il-kapaċità ta’ ttestjar bil-ftuħ ta’ żewġ ċentri oħra, huwa mistenni li jiġu mfittxija u jinstabu aktar każijiet.

Dwar l-anzjan ta’ 61 sena li jinsab fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, il-Professur Gauci qalet li għadu fl-ITU imma qed iħossu aħjar.

Bħalissa hemm erbatax-il persuna li qed jinżammu fit-Taqsima tal-Infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, tmintax oħra f’faċilità privata, u ieħor fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. L-oħrajn kollha qegħdin f’iżolament id-dar tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend