Fehma pożittiva ħafna mill-gazzetti għall-miżuri tal-Gvern – One News

Fehma pożittiva ħafna mill-gazzetti għall-miżuri tal-Gvern

Għajr il-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista, in-Nazzjon, il-gazzetti kollha li ġew ippubblikati għall-jum tal-Ħamis ikkummentaw b’mod pożittiv għall-miżuri li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela t-Tlieta filgħaxija biex jgħin lin-negozji u lill-ħaddiema.

L-editorjal tat-Times fisser ir-rispons tal-Gvern biex jilqa’ għall-impatt ekonomiku li qed tħalli l-pandemija Covid-19 bħala wieħed b’saħħtu.

“Il-Prim Ministru Robert Abela ddefenixxa dan l-aħħar pakkett fiskali bħala patt storiku li ntlaħaq mal-imsieħba soċjali. Din mhux esaġerazzjoni għaliex l-ebda amminsitrazzjoni sa minn żmien il-gwerra ma kellu jħabbat wiċċu ma’ din l-isfida enormi”, saħqet it-Times.

It-Times irreferiet għal dak imsejjaħ mill-Prim Ministru bħala “war chest”, li nbena mill-ġid li ħoloq dan il-Gvern tul is-snin u li issa l-pajjiż qed jiġi bżonnu minħabba l-pandemija.

It-Times ikkummentat anki b’mod pożittiv għal miżuri tal-Gvern fosthom dik li se tiswa erbgħa u erbgħin miljun ewro għaliex il-Gvern se jħallas tmien mitt ewro fix-xahar paga ta’ sittin elf ħaddiem li ntlaqtu ekonomikament ħażin mill-Covid-19.

Qalet li kien tajjeb li f’dan il-pakkett t’għajnuna ġew inklużi dawk li jaħdmu għal rashom.

L-editorjal jispjega li d-dejn imqabbel mal-prodott domestiku gross jinsab f’livell ta’ tlieta u erbgħin fil-mija u riżultat ta’ dawn il-miżuri fejn il-Gvern qed jerfa’ piż kbir, id-dejn se jitla’ għal ħamsin fil-mija.

Iżda t-Times tispjega b’mod ċar li dan id-dejn xorta huwa sostennibbli.

It-Times faħħret lill-imsieħba soċjali li wrew maturità meta qablu li jerfgħu parti mill-piż biex iżommu l-ħaddiema man-negozji.

Bit-Times ittemm l-editorjal billi tirrimarka li l-Prim Ministru għadda l-aħjar messaġġ u qed juri tmexxija soda f’dan il-mument ta’ sfida.

Intant anki l-ġurnal l-Orizzont fisser dan il-ftehim bħala wieħed storiku.

Fil-fehma tal-Orizzont, il-Gvern qed jagħmel sew li mhux se jieqaf biss ma’ din l-aħħar għajnuna.

“Dan il-mument se jgħaddi u hemm hekk se jkun il-mument fejn l-ekonomija trid taqbad ir-ritmu”, saħaq l-editur tal-Orizzont.

Il-ġurnal spjega kif kien anki important li l-unjins tal-ħaddiema qablu flimkien fuq dan il-pakkett ta’ miżuri favur anki l-interessi tal-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Intant l-editorjal tal-Independent tkellem ukoll kif dawn il-miżuri kienu pass fid-direzzjoni t-tajba.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Nerġa ngħid li dawn il-miżuri siewja li qiegħed jieħu il-bravu Prim Ministru Robert Abela huma wkoll bis-saħħa tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat. Grazzi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend