Pakkett ta’ miżuri li jwieżen direttament lill-ħaddiema – Ekonomista awtorevoli – One News

Notifiki

Pakkett ta’ miżuri li jwieżen direttament lill-ħaddiema – Ekonomista awtorevoli


Is-sensiela ta’ miżuri ġodda li ħabbar il-Gvern b’nefqa ta’ sebgħin miljun ewro fix-xahar biex jitwieżnu n-negozji u jiġu salvati l-impjiegi ma laqtux biss l-għajn tal-imsieħba soċjali iżda anki tal-ekonomisti li kkummentaw b’mod pożittiv għal dan il-pakkett.

Steve Ellul, ekonomista awtorevoli ħafna spjega b’mod sempliċi dan il-pakkett finanzjarju favur il-familji.

Huwa spjega: “Għalkemm dan huwa pakkett finanzjarju illi jindirizza direttament il-bżonnijiet ta’ min iħaddem, huwa pakkett finanzjarju li jwieżen direttament lill-ħaddiema. Fil-fatt huwa indirizzat b’mod speċifiku biex iżomm l-impjiegi, iżomm l-impjegati kollha mal-employers tagħhom.”

Steve Ellul qal li pajjiżna jinsab f’qagħda fiskali b’saħħitha biex joffri pakkett mill-aktar ġeneruż.

Is-Sur Ellul sostna: “Mhux il-pajjiżi kollha jistgħu jagħtu pakketti finanzjarji bħal dawn. Kollha jixtiequ jagħtu pakketti finanzjarji bħal dawn imma mhux il-pajjiżi kollha għandhom l-ispazju fiskali nsejħulu aħna, il-kapaċità, ir-riżorsi finanzjari, bħala Gvern, livell ta’ Gvern biex ikunu jistgħu jagħmlu dan.”

L-ekonomista aċċenna wkoll fuq is-sostennibilità ta’ dan il-pakkett li qed jgħin għaliex l-ekonomija Maltija għaddejja minn mument ta’ sfida temporanja.

Huwa kompla jispjega: “L-ammont ta’ dejn illi llum għandna huwa ħafna inqas milli qatt kien u meta kkumparat mad-dejn li naraw f’pajjiżi oħrajn, il-medja Ewropeaj bħalissa qiegħda viċin it-tmenin fil-mija, Malta bħalissa qegħdin viċin it-tlieta u erbgħin fil-mija tal-prodott gross domestiku. Jiġifieri għandek spazju sinjifikanti biex wieħed ikun jista’ jagħmel dawn it-tip ta’ manuvri.”

Steve Ellul qal li t-tielet pakkett t’għajnuna mħabbar mill-Prim Ministru jikkonsolida aktar u jżomm il-ħaddiema man-negozji biex meta tgħaddi din l-isħaba, l-ekonomija Maltija terġa’ taqbad ir-ritmu malajr qabel ħaddieħor.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend