L-imsieħba soċjali jilqgħu t-tielet pakkett ta’ miżuri – One News

L-imsieħba soċjali jilqgħu t-tielet pakkett ta’ miżuri


L-imsieħba soċjali laqgħu b’mod pożittiv it-tielet pakkett ta’ miżuri mħabbar mill-Gvern mmirat biex jgħin lill-ħaddiema familji u negozji Maltin milquta mill-imxija tal-Coronavirus.

L-għada li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar sett ta’ miżuri ġodda dan l-istazzjon tkellem ma’ wħud mill-imsieħba soċjali fejn spikka messaġġ wieħed.

Dak li l-Gvern għamel biżżejjed biex isalva l-impjiegi u n-negozji Maltin.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tar-Ristoranti u l-lukandiera Tony Zahra qal li f’dan iż-żmien partikolari l-kontribuzzjoni tal-Gvern ser tgħin lin-negozji sabiex jibqgħu għaddejin.

Is-Sur Zahra spjega: “L-infusion li għamel il-Gvern ta’ €800 għal contribution tal-pagi hija importanti ħafna għall-membri tagħna biex jibqgħu għaddejjin u biex jibqgħu in business. Dan huwa żmien partikolari, dan huwa żmien li qatt ma rajna bħalu u allura aħna pożittivi ħafna fuq dak li għamel il-Gvern biex jgħin l-industrija sakemm terġa toħroġ ix-xemx.”

Fost wħud mill-imsieħba soċjali kien hemm ukoll tifħir għall-għaqal u l-prudenza li qed juri l-Gvern fl-użu tal-finanzi pubbliċi.

Id-Direttur Ġeneral tal-Assoċċjazzjoni Maltija għall-Ħaddiema Joe Farrugia qal li fid-dawl ta’ nuqqas ta’ ċertezza dwar kemm se ttul din is-sitwazzjoni f’pajjiżna, il-Gvern qed juri għaqal liema bħalu.

Is-Sur Farrugia sostna: “Huwa pass tajjeb li ma jaqbadx u ma joħroġx fil-bidu għaliex din ħa ddum voldieri ħa ddum ġimgħat u xhur jista’ jagħti każ li l-għajnuna jkollha tinfirex fuq aktar setturi fix-xhur li ġejjin.”

Ma naqasx ukoll is-sodisfazzjon tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu.

Fissret kif dawn il-miżuri pożittivi se jżommu l-impjegati fin-negozji Għawdxin li għandhom iċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom.

Is-Sur Muscat stqarr: “Mill-ewwel rajna li l-miżura prinċipali dik li jingħata s-sussidju għal kull impjegat ta’ €800 kienet miżura li bħala Assoċjazzjoni rajniha li se ttaffi sewwa s-sitwazzjoni li ninsabu fiha bħalissa. Sitwazzjoni li ma hija tort ta’ ħadd u tort ta’ dan il-virus u aħna bħala assoċjazzjoni rajna li dik il-miżura kienet għajnuna tajba biex intaffu dik is-sitwazzjoni.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend